Thursday, April 18, 2024

SEHEM IŻ-ŻGĦAŻAGĦ FIT-TEĦID TAD-DEĊIŻJONIJIET

Aqra wkoll

Qegħdin ngħixu f’dinja li hi waħda dinamika li kontinwament qiegħda tinbidel u tiġġedded, li japplika wkoll għas-soċjetà Maltija. Dan it-tibdil jirrikjedi li jittieħdu deċiżjonijiet importanti biex jintlaħqu l-isfidi li prattikament jolqtu lil kulħadd. Għal dan il-għan, huwa kruċjali li kull membru tas-soċjetà jagħti sehmu biex it-tibdiliet li jsiru jkunu sostenibbli u ta’ ġid għal kulħadd. Għalhekk f’dan il-kuntest, il-kontribut taż-żgħażagħ huwa importanti ferm billi mhux biss huma l-preżent imma wkoll il-futur ta’ pajjiżna. 

Kienet għalhekk li f’waqtha d-deċiżjoni tal-Kabinett li jwaqqaf forum konsultattiv għaż-żgħażagħ fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru li l-għan tiegħu huwa li jkunu ż-żgħażagħ infushom li jressqu suġġerimenti u jiddiskutu suġġetti ta’ importanza nazzjonali, l-aktar dawk li jolqtu lilhom. B’dan il-mod il-vuċi taż-żgħażagħ se tkompli tissaħħaħ u se tingħata aktar importanza. 

Kienet għalhekk ironija dak li stqarr il-Partit Nazzjonalista illi l-idea tal-forum hija konferma li l-Gvern ma kienx qed jagħti każ il-vuċi żagħżugħa. Il-verità hi ‘l bogħod minn hekk, għax qatt daqs dawn l-aħħar snin, iż-żgħażagħ ingħataw opportunitajiet li jkabbru u jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom. Aspirazzjonijiet li jinkludu t-tħaris tal-ambjent, opportunitajiet ta’ xogħol, titjib fis-sistema edukattiva, u anke benefiċċji oħra li ngħataw iż-żgħażagħ. Minnhom infishom dawn juru li mhux minnu li l-vuċi taż-żgħażagħ kienet injorata. 

Naqblu ma’ dak li ngħad, li dan il-forum konsultattiv li se jitwaqqaf wara l-approvazzjoni tal-Kabinett, se jiġbor fih żgħażagħ minn oqsma differenti li b’mod regolari jiġu konsultati u mismugħa dwar temi ta’ importanza nazzjonali u li saħansitra l-Gvern ikun qiegħed jew se jiddiskuti. 

Dan kollu juri illi l-Gvern qiegħed jagħmel tiegħu wkoll l-aspirazzjonijiet taż-żgħażagħ biex dawn ikunu jistgħu jimxu ‘l quddiem u jkollhom kwalità ta’ ħajja aħjar filwaqt li jwettqu l-ħolm tagħhom. Għaliex huwa tajjeb li ż-żgħażagħ joħolmu għax minn dak il-ħolm joħorġu proposti konkreti għalihom u għas-soċjetà b’mod inġenerali.

Għandna għax nifhmu li dan il-forum jista’ jwassal biex aktar żgħażagħ ikollhom fiduċja fil-politika u b’hekk ikunu jistgħu anke huma stess jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet li huma essenzjali f’demokrazija attiva.

Ekonomija

Sport