Saturday, December 28, 2024

Sena skolastika li se tenfasizza l-benesseri tal-istudent u l-edukatur

Aqra wkoll

“Ninsabu fil-bidu ta’ sena akkademika oħra. Studenti u edukaturi flimkien li qed jibdew il-perkors edukattiv tagħhom, perkors li aktar minn qatt qabel se jagħmel enfasi fuq il-benesseri – il-benesseri tal-istudent, dawk tal-edukatur. Aħna nemmnu li s-sistema edukattiva tagħna trid tassigura l-iżvilupp sħiħ tal-persuna – il-persuna li tkun fiċ-ċentru”.

Dan kien il-messaġġ tal-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, meta għamel żjara lill-istudenti fil-bidu ta’ din is-sena skolastika ġdida. Huwa żar l-istudenti fl-iskola ġdida tal-Imsida.

Għal din is-sena skolastika, l-iskejjel tal-Istat għandhom 34,997 student u studenta mill-kindergarten sal-ħdax-il sena tas-sekondarja. 5,911 student fil-livell ta’ kindergarten jibdew is-sena skolastika tagħhom fl-1 ta’ Ottubru. Dawn l-istudenti għandhom 8,237 edukatur mifruxa ma’ dawn is-snin, fl-iskejjel tal-Istat.

F’din l-iskola partikolari l-edukaturi u l-istudenti daħlu għal sena skolastika f’ambjent totalment modern, fi skola mibnija ġdida li għandha madwar 40 klassi – 26 klassi normali u għadd ta’ klassijiet oħrajn għal suġġetti speċifiċi fosthom għall-iżvilupp personali u soċjali, l-arti, il-mużika, ix-xjenza, il-litteriżmu, u l-etika.  L-iskola għandha wkoll ċentru għall-ħarsien tat-tfal, librerija pubblika u sala li se tkun tesa’ madwar 300 persuna.

Il-Ministru Clifton Grima qal li għalkemm l-istudenti u l-edukaturi għandhom jieħdu ħsieb l-iskola tagħhom, jappella wkoll lill-istudenti kif ukoll lill-edukaturi biex jagħmlu użu massimu minn din il-binja ġdida. “Għandkom ambjent modern u attrezzat bl-aħħar u l-aqwa mezzi li żgur se jwassalkom biex tieħdu gost tgħallmu u titgħallmu. Ambjent li se jagħmel minn dan il-perkors edukattiv wieħed li żgur se tibqgħu tiftakru,” qal il-ministru.

Matul iż-żjara huwa rringrazzja lill-edukaturi kif ukoll lill-ħaddiema amministrattivi fl-iskejjel kollha tal-impenn u tad-dedikazzjoni tagħhom għall-ġid ta’ uliedna, li qed imexxu lill-istudenti kollha biex jagħtuhom l-opportunitajiet kollha possibbli biex kull wieħed u waħda minnhom jilħqu l-aspirazzjonijiet individwali tagħhom.

Huwa awgura lill-istudenti u l-edukaturi kollha għal din is-sena akkademika li għandhom quddiemhom u qal li jħares ’il quddiem għal sena mimlija opportunitajiet li jissarfu f’ġid għall-komunità edukattiva f’pajjiżna.

Ekonomija

Sport