Kien proprju Settembru tas-sena l-oħra meta Krista Šujak, kantawtriċi ta’ 16-il sena nediet Stronger, kanzunetta li tagħha hija kitbet il-lirika waħedha, filwaqt li kienet ukoll involuta fil-kompożizzjoni tagħha flimkien ma’ Roy Hamilton III, kompożitur u produttur tant rinomat li kien ukoll nominat għal Grammy Award. Sal-lum, Stronger ġiet segwita aktar minn 15,000 darba fuq il-pjattaformi Facebook u YouTube, filwaqt li fuq Spotify u Apple Music, indaqqet aktar minn 7,000 darba.
Huma proprju dawn in-numri li komplew jimbuttaw idea li berrnet f’moħħ Krista. Din l-idea kienet remix ta’ din l-istess kanzunetta. “Ma kinitx faċli biex naraw liema kienu l-aħjar ħsejjes, għax trid tibqa’ leali lejn l-oriġinali iżda fl-istess ħin taf li ħa tilħaq udjenza akbar. Roy fehmni mal-ewwel, issuġġerixxa xi affarijiet differenti, provajnihom u sakemm konna kuntenti b’dak li konna qegħdin nisimgħu ma waqafnix naħdmu fuqha” tgħid il-kantawtriċi żagħżugħa filwaqt li żiedet tgħid li “llum nemmen li għandna l-verżjoni remix kif xtaqniha aħna.”
It-tnedija ta’ Stronger (Remix) hija megħjuna minn vidjo ta’ lirika li ġie maħdum lil’hinn minn xtutna fil-jiem u l-ġimgħat li għaddew. Jara l-użu ta’ diversi kuluri vivaċi u anke siluwett ta’ nisa u irġiel li qegħdin jiżfnu mal-ħsejjes fil-produzzjoni. Mil-lum, 19 ta’ Lulju tistgħu ssegwu dan il-filmat fuq il-pjattaformi Facebook u YouTube filwaqt li l-kanzunetta qiegħda wkoll fuq Apple Music u Spotify.
Matul din l-aħħar sena, Krista Šujak kompliet tikber fix-xena tal-mużika lokali, bi prestazzjonijiet b’materjal oriġinali waqt il-Konkors Kanzunetta Indipendenza fejn kienet l-iżgħar kantawtriċi fl-edizzjoni tal-2023; u anke parteċipazzjonijiet f’attivitajiet kbar bħal The Malta International Wine Festival; Kantamagħna; il-Quddiesa tal-President ta’ Malta f’Jum l-Għid; kif ukoll X Factor Malta. Segwu l-avventuri tagħha fuq il-midja soċjali permezz ta’ Facebook, Instagram u TikTok.