Wednesday, May 8, 2024

Sentejn ħabs wara li tefa’ Somalu l-baħar wara ġlieda f’Għawdex

Aqra wkoll

Deelian Mifsud ta’ 23 sena kien ikkundannat sentejn ħabs wara li nstab ħati li kellu xi jgħid ma’ Somalu u spiċċa biex tefgħu l-baħar. Il-każ seħħ fit-18 ta’ Lulju 2021, fi Triq Marino Garces, viċin il-port tal-Imġarr, Għawdex.

Mill-provi li tressqu fil-Qorti, jirriżulta li kien inqala’ inċident fejn Mohamed Hassan Ismail ġie mkeċċi minn ġewwa bar fl-Imġarr, Għawdex. Dakinhar, kien inqala’ xi diżgwid u skont ix-xhieda ta’ Andrew Abela, kien hemm grupp ta’ nies li bdew jagħtu lil Ismail bil-ponn.

Skont l-istess xhieda, irriżulta li l-imputat kien allegatament ta daqqa ta’ ponn lill-vittma u tbiegħed minnu. Madankollu, baqa’ għaddej argument bejn Ismail u terzi u f’mument minnhom, l-imputat reġa’ mar ħdejn il-vittma, qabdu minn sidru u xeħtu l-baħar.

Fl-istqarrija tiegħu, Deelian Mifsud ammetta li huwa għamel din l-azzjoni biex iwaqqaf lil Ismail milli jkompli jaqla’ l-inkwiet u sabiex dan malli jħoss l-ilma, jiġi f’tiegħu u ma jibqa’ daqstant fl-istat ta’ sakra li kellu.

Mill-filmat li ġie ppreżentat fil-Qorti tal-Maġistrati, seta’ jiġi kkonstatat l-atteġġjament tal-imputat b’mod partikolari kif l-imputat mar fuq Ismail, qabdu b’herra minn sidru u b’ħeffa u b’aġitament tefgħu għal ġol-baħar. Aktar minn hekk, jidher mill-filmat li l-imputat imbagħad telaq minn hemm mingħajr ma lanqas ivverifika jekk Ismail ġralux xi ħaġa.

Il-Maġistrat Simone Grech qieset ukoll ix-xhieda ta’ Joe Ross Portelli, li sostna li qabel ma seħħ l-inċident, l-istess Ismail kien allegatament hedded lill-imputat li kien se joqtol lill-familja tiegħu.

Il-Maġistrat Grech stqarret iżda li ma temminx lil Mifsud meta qal li l-intenzjoni tiegħu kienet biss li jġib lil Ismail f’sensih billi jixħtu l-baħar. Qalet li l-intenzjoni tiegħu kienet waħda ċara, li jikkaġuna ħsara gravi fuq Ismail.

Dwar il-piena, il-Qorti kkunsidrat il-gravità tar-reat u anke l-fedina penali tal-imputat li minnha jirriżulta li kien ingħata diversi ordnijiet ta’ probation bil-għan li huwa jirriforma ruħu.

Kien għalhekk li nstab ħati li pprova jikkaġuna ġrieħi gravi fuq Ismail billi waddbu l-baħar u li kiser il-paċi pubblika u kien ikkundannat sentejn priġunerija.

Il-Qorti ordnat ukoll li l-ħati jintbagħat quddiem il-Qorti tal-Appell Kriminali biex jiġi ġudikat fuq il-fatt ta’ dan il-ksur tal-Ordni ta’ Probation maħruġ favur tiegħu minn dik l-istess Qorti b’sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2020.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Josef Gauci.

Sport