Sunday, November 24, 2024

Sentenza sospiża għal raġel  ħati li ta bis-sieq f’ras is-sieħba 

Aqra wkoll

Raġel ingħata sentenza sospiża wara li nstab ħati li ħames snin ilu ta daqqa ta’ sieq f’ras is-sieħba tiegħu. Huwa nstab ħati li qabadha minn xagħarha u taha daqqa ta’ sieq f’wiċċha waqt li l-koppja kellhom argument bejniethom. 

Fil-Qorti, preżenti kien hemm il-vittma, li min-naħa tagħha xehdet li l-inċident imur lura għas-17 ta’ Settembru tal-2018, f’Marsaskala. Ingħad li dakinhar kellha argument mas-sieħeb tagħha. Hija żiedet tgħid li waqt l-istess argument, l-akkużat qabadha minn xagħarha, tefagħha fl-art, qabeż fuq il-kustilji biż-żewġ riġlejn u anke li taha daqqiet f’rasha.

Ingħad ukoll li r-raġel irrifjuta li jċempel ambulanza minkejja li hi talbitu sabiex jagħmel dan. Huwa rrispondiha u qalilha li ma kellha xejn u għalhekk ma kelliex bżonn għajnuna medika. Kien hawn fejn il-vittma saħqet li spiċċat ħarbet mid-dar, ħafja, u marret id-dar tal-ħabiba tagħha li togħod fil-qrib, fejn ċemplu ambulanza kif ukoll lill-pulizija.

Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, li pprosediet il-każ sabitu ħati li weġġa’ serjament lis-sieħba tiegħu iżda ma sabitux ħati li wassalha biex tibża’ mill-vjolenza peress li l-Pulizija ma rnexxiliex tipprova din l-akkuża.

Il-Qorti sabet li ma kienx hemm evidenza biżżejjed u għalhekk tat sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin lir-raġel. Hija  ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-mara li tibqa’valida għal tliet snin. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Oriana Spiteri, filwaqt li l-avukati difensuri kienu Franco Debono u Marion Camilleri 

Sport