Is-Serb, Vuk Milic ta’ 22 sena wieġeb mhux ħati hekk kif ġie akkużat bil-qtil ta’ Jesmond Gatt liema qtil kien sar fit-Taqsima Forensika f’Monte Carmeli.
Il-każ kien seħħ fAwwissu li għadda meta Gatt li kellu 54 sena kien qiegħed jinżamm arrestat fit-Taqsima Forensika fl-Isptar Monte Carmeli. Hu kien miet wara li żelaq u ħabat rasu. Gatt kien instab mitluq mal-art f’għadira demm fil-kamra tiegħu.
Quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia, il-Prosekuzzjoni qalet li nhar il-Ħadd li għadda kienet irċiviet telefonata mill-Ħabs li s-Serb kien qed ikellem uffiċjal fl-Isptar Monte Karmeli u qallu li “ried ineħħi xi ħaġa minn fuq l-istonku”. Allegatament kien ammetta li kien imvolut fil-mewt tal-Gatt li seħħet fl-istess sptar.
Il-pulizija talbu għal mandatt t’arrest u mill-ewwel ittieħed fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija. Il-prosekuzzjoni qalet li hu ħalla stqarrija fejn ammetta li kien qatel lil Jesmond Gatt.
Min-naħa tagħha d-Difiża qalet li kienet qed tikkontesta din l-istqarrija għax Milic ma kellux avukat jassistih. Id-difza qalet li l-klijent tagħha ibati minn problemi ta’ saħħa mentali u qatt ma kellu jitħalla jagħti stqarrija mingħajr ma jkun hemm avukat jassistih.
L-avukat difensur talab biex tingħata l-evidenza kollha li għandha f’idejha l-prosekuzzjoni.
Il-Prosekuzzjoni qalet li s-Serb kien ġie ċertifikat jista’ jiġi interrogat u aktar minn darba rrifjuta d-dritt li jkun irrappreżentat minn avukat.
Id-difiża għamlet talba lill-Qorti biex jinħatar psikjatra biex jiddetermina jekk huwiex fi stat li jgħaddi proċeduri kriminali.
Dawn dan i-każ kienet infetħet inkjesta maġisterjali, iżda kien ilbieraħ li l-akkużat li għadu qiegħed jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli, tkellem ma’ uffiċjal tal-Aġenzija dwar l-involviment tiegħu fl-omiċidju.
F’April li għadda, il-vittma kien wieġeb mhux ħati li ta n-nar lil bieb ta’ dar fil-Ħamrun li fiha kienet tgħix anzjana. Il-pulizija kienet arrestat lil Gatt wara li ġie identifikat minn kameras tas-sigurtà fl-inħawi.
L-avukat Franco Debono qed jidher f’isem il-vittma.
Aktar kmieni: Priġunier se jitressaq il-Qorti akkużat b’involviment f’omiċidju
Fl-aħħar jiem il-Pulizija rċeviet informazzjoni mill-amministrazzjoni tal-Aġenzija tas-Servizzi Korrettivi, li raġel li kien qiegħed jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli, tkellem ma’ uffiċjal tal-Aġenzija, dwar l-involviment tiegħu f’omiċidju.
Minnufih din il-persuna ġiet arrestata fejn il-każ jittratta l-mewt ta’ Jesmond Gatt ta’ 54 sena li f’Lulju li għadda, kien iddaħħal l-isptar Mater Dei f’qagħda kritika wara li kien fit-taqsima forensika tal-isptar Monte Karmeli, flimkien ma’ żewġ persuni oħra.
Dwar dan il-każ inħatret inkjesta Maġisterjali filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija kienu għadhom għaddejjin, wieħed minn dawn iż-żewġ persuni tkellem dwar l-involviment tiegħu.
Ir-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana u mistenni jitressaq il-Qorti llum quddiem il-Maġistrat Dr Nadine Sant Lia LL.D., akkużat bl-omiċidju ta’ Jesmond Gatt.