Sunday, November 24, 2024

Sergio Aguero mġiegħel jirtira mill-football minħabba problemi fil-qalb

Aqra wkoll

L-attakkant ta’ Barcelona Sergio Aguero ġie mġiegħel jirtira mill-football minħabba problemi fil-qalb.

L-Arġentin sofra uġigħ f’sidru u qtugħ ta’ nifs fil-konfront tat-team tiegħu fil-La Liga kontra Alaves ix-xahar li għadda u inizjalment ġie eskluż għal tliet xhur wara eżamijiet kardijaċi.

Aguero ma kienx maħsub li kien qed jikkunsidra li jirtira bħala professjonist, iżda l-ex attakkant ta’ Manchester City jidher li kien sfurzat idendel iż-żarbun minħabba saħħtu.

L-irtirar ta’ Aguero se jitħabbar uffiċjalment il-ġimgħa d-dieħla.

Aguero deher biss ħames darbiet fil-kompetizzjonijiet kollha għal Barcelona minħabba injury preċedenti fil-pexxul u huwa lest li jirtira wara li skorja goal wieħed biss għall-Blaugrana fl-El Clasico.

Il-player ta’ 33 sena ħalla lil Manchester City bħala l-aqwa skorer tagħhom ta’ kull żmien b’260 goal fi 390 logħba, kif ukoll skorja 41 goal f’101 logħba mat-team nazzjonali tal-Arġentina.

Sport