Thursday, April 18, 2024

Serie A: Juventus kellhom jitħabtu kontra Sampdoria

Aqra wkoll

Juventus kellhom jitħabtu biex għelbu lil Sampdoria bl-iskor ta’ 4-2. Dan wara li huma fetħu vantaġġ ta’ żewġ goals iżda l-avversarji kisbu d-draw fi spazju ta’ 72 sekonda … jerġgħu jmorru fil-vantaġġ … ifallu penalty … u fil-ħin miżjud jaċċertaw mir-rebħa. 

Il-Bianconeri fetħu l-iskor fil-11-il minuta meta Bremier xeħet fix-xibka bir-ras mill-corner ta’ Filip Kostic. Fis-26 minuta huma rduppjaw minn daqqa ta’ ras oħra din id-darba ta’ Adrien Rabiot. 

Madankollu, Sampdoria għamlu rimonta u kisbu d-draw minn Tommaso Augello (31) u Filip Djuricic (32). 

Mal-ftuħ tat-tieni taqsima, Juventus ħarġu fuq l-offensiva u fl-64 minuta ġew ippremjati meta Adrien Rabiot ikkonkluda mill-pass ta’ Nicolo Fagioli meta kkontrolla b’sidru qabel xeħet fix-xibka. 

Dan il-goal ġab protesti qawwija mill-players ta’ Sampdoria għal handsball fil-proċess tal-goal. Iżda l-VAR ikkonvalida l-goal minħabba li l-handsball ma kienx daqstant ċar. 

Ħames minuti wara, Juventus ingħataw penalty wara li Juan Cuadrado twaqqa’ fil-kaxxa. Iżda mill-11-il metru, Dusan Vlahovic ra t-tenattiv tiegħu jaħbat mal-wieqfa.

Fil-ħin miżjud, il-Bianconeri ssiġillaw ir-rebħa mid-debuttant Matias Soule li kompla l-ballun għal ġewwa wara li l-goalkeeper Martin Turk laqa’ parzjalment id-daqqa ta’ ras ta’ Filip Kostic megħjun mil-lasta. 

Ekonomija

Sport