Wednesday, July 24, 2024

Serie A: L-erba’ clubs il-kbar akkużati li jridu joħolqu ‘mini-super league’

Aqra wkoll

Il-clubs kollha tas-Serie A, ħlief Juventus, Inter, Milan u Roma, ivvutaw kontra li l-kampjonat jitnaqqas għal 18-il team, u wassal lill-president ta’ Torino, Urbano Cairo, jgħid li l-aqwa clubs riedu joħolqu ‘Mini Super League.’

Il-maġġoranza tal-clubs tas-Serie A vvu­taw biex jibqgħu b’20 team waqt laqgħa f’Milan nhar it-Tnejn.

Juventus, Inter, Milan u Roma biss kienu favur li jitnaqqas in-numru ta’ timijiet fl-aqwa diviżjoni tal-Italja.

“Dak li riedu jagħmlu kien Mini Super League,” qal Cairo wara l-laqgħa, kif ikkwotat mill-media Taljana.

“Il-laqgħa tal-lum ikkonfermat li l- maġġoranza kbira tal-clubs iridu jżommu 20 team anke għaliex il-kampjonati ewlenin Ewropej l-oħra, inklużi dawk ta’ Spanja u l-Ingilterra għandhom ukoll 20.”

Cairo qal li l-laqgħa tal-Lega Serie A kienet waħda ta’ “ħbiberija” u nsista li l-format ta’ 20 team “jaħdem tajjeb.”

Ir-rappreżentanti ta’ Inter, Juventus u Milan kienu ltaqgħu mal-president tal-FIGC, Gabriele Gravina, il-ġimgħa li għaddiet biex jaħdmu għal bidla fil-format li jara 18-il club involuti fis-Serie A aktar milli 20.

“Dik il-laqgħa ma dehritx tajjeb minn clubs oħra,” innota Cairo. “Iż-żmien kien kompletament żbaljat. M’aħniex maqsuma, iżda kellhom attitudni ħażina u naħseb li ma kellhomx rispett reċiproku.”

Is-Serie A qalbet minn 18 għal 20 club għall-ewwel darba fl-istaġun 2004-05.

Il-president ta’ Milan, Paolo Scaroni, saħaq li s-Serie A kellha tirritorna għal 18-il club biex jitnaqqas in-numru ta’ logħob speċjalment għat-timijiet li jkunu nvoluti fil-kompetizzjonijiet Ewropej.

Ekonomija

Sport