Meta jintlagħab l-aħħar programm ta’ din is-sena kalendarja tas-Serie A, l-aktar partita li se tiġbed attenzjoni hija bla dubju, dik bejn Juventus u Roma filwaqt li l-leaders Inter għandhom partita mill-aktar delikata għand Genoa.
Min-naħa l-oħra, Milan jilqgħu lil Sassuolo fejn ma jistgħux ifallu minħabba li jkun ifisser it-tkeċċija tal-coach Stefano Pioli.
Juventus v Roma – Juventus jospitaw lil Roma f’dik li hija l-aqwa partita ta’ tmiem il-ġimgħa.
Iż-żewġ timijiet jinsabu f’forma tajba hekk kif mill-aħħar sitt ħarġiet kważi għandhom l-istess rekord … erba’ rebħiet u żewġ draws għal Juventus u tliet rebħiet, telfa u żewġ draws għal Roma.
Iżda l-Giallorossi se jinżlu għal dan il-konfront b’moral mill-aktar għoli minħabba li ġejjin minn rebħa ta’ 2-0 fuq iċ-champions renjanti, Napoli.
Min-naħa tal-Bianconeri, dawn kellhom jitħabtu biex għelbu lil Frosinone 2-1.
Iżda dak li jimporta huwa t-tliet punti biex baqgħu jżommu l-kuntatt mal- leaders Inter li għandhom vantaġġ ta’ erba’ punti fil- quċċata.
Dan se jkun id-90 konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet fil-belt ta’ Turin fejn Juventus rebħu 58 darba filwaqt li Roma rebħu biss disa’ darbiet.
L-ebda team ma jaffordja jfalli l-punti għal raġunijiet ovvji – Juventus biex jibqgħu fl-isfida għar-rebħ tat-titlu filwaqt li Roma jridu jidħlu fiż-żona tal-UEFA Champions League.
Genoa v Inter – Inter imorru jilagħbu għand Genoa u jridu jkunu fl-aqwa forma tagħhom biex joħorġu bit-tliet punti … konxji mill-fatt li f’nofs dan ix-xahar, l-istess Genoani żammew fi draw lil Juventus bl-iskor ta’ 1-1.
Forsi n-Nerazzurri jibdew favoriti li jiksbu t-tliet punti minħabba l-konsistenza tagħhom fejn l-aħħar darba li sofrew telfa kienet 12-il partita ilu, eżattament fis-27 ta’ Settembru, bl-iskor ta’ 2-1 f’darhom kontra Sassuolo. U f’dawn l-aħħar 11-il ħarġa tagħhom ġew miżmuma darbtejn biss.
Barra minn hekk, huma jistgħu jibbilanċjaw ir-rekord tagħhom fil-Marassi meta minn 55 partita, Genoa rebħu 18 filwaqt li Inter rebħu 17.
Iżda kull logħba fiha l-istorja tagħha u għaldaqstant l-Interisti jridu juru rispett massimu lejn l-avversarji tagħhom.
Telfa għalihom tiftaħ beraħ l-isfida tat-titlu.
Milan v Sassuolo – Milan, li jinsabu fit-tielet post tal-klassifika, jilqgħu lil Sassuolo fejn huma mperattiv li joħorġu rebbieħa.
It-tielet pożizzjoni tagħhom mhijiex waħda stabbli għax filwaqt li jinsabu distakkati 11-il punt mir-rivali eterni, Inter, huma jinsabu biss tliet punti mit-team li jinsab fil-ħames post, Fiorentina.
Barra minn hekk, il-coach Stefano Pioli, jinsab taħt il-mikroskopju tad-diriġenti Rossoneri u mal-iċken skoss se jintwera l-bieb ta’ barra … fejn jidher ukoll li bdew it-taħditiet biex jinħatar is-suċċessur tiegħu.
Rebħa żżomm lil Pioli mdendel b’mod temporanju.
.