Saturday, April 27, 2024

SEWQAN TA’ 17-IL SENA?

Aqra wkoll

Diskussjoni li tqajmet fl-aħħar jiem madwar l-Ewropa kienet dwar jekk għandhiex titnaqqas għal 17-il sena l-età biex persuna tingħata liċenzja tas-sewqan tal-karozza. Fil-fatt, din il-proposta kienet diskussa waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri għat-Trasport fi Brussell.

Filwaqt li ħafna mill-istati membri huma favur din il-proposta, Malta ħarġet kontra u ma tatx l-approvazzjoni tagħha għal din il-propost. Dan għaliex intqal li din tikkontradixxi l-isforzi ta’ Malta dwar is-sigurtà, il-konġestjoni u d-dekarbonizzazzjoni. Malta argumentat li din id-deċiżjoni għandha tkun fid-diskrezzjoni tal-Istati Membri b’mod individwali.

Min-naħa l-oħra, f’pajjiżna kienu bosta dawk li rreaġixxew għal din il-proposta fejn filwaqt li kien hemm min iddikjara li huwa favur, kien hemm ħafna oħrajn li qalu li l-età biex persuna tikseb il-liċenzja għandha tiżdied u mhux tonqos. Fil-fehma tagħna, din il-proposta għandha tittieħed f’kuntest aktar wiesgħa.

Jekk pajjiżna qiegħed jinkoraġġixxi lin-nies biex jagħmlu aktar użu mit-trasport pubbliku, proposta ma tantx tista tkun effettiva biex dan il-għan jintlaħaq? Illum il-ġurnata rridu nirrikonoxxu li hawn ħafna karozzi fit-toroq u għaldaqstant il-pajjiż huwa aktar suxxettibbli għall-inċidenti tat-traffiku. Irridu ngħidu li fit-toroq Maltin qed jiżdiedu madwar 40 karozza ġodda ta’ kuljum.

Irridu nirrikonoxxu wkoll li ħafna miż-żgħażagħ ikollhom seba’ mitt sena sabiex ikollhom il-liċenzja u jkunu jistgħu jsuqu. Għalhekk ikun meħtieġ regolamenti aktar riġidi u stretti fl-għoti tal-liċenzji tas-sewqan fejn jeħtieġ aktar taħriġ dwar is-sigurtà fit-toroq.

Hija meħtieġa għalhekk diskussjoni wiesgħa meta niftakru li ż-żgħażagħ ta’ 16-il sena għandhom id-dritt li jivvutaw u se jkunu responsabbli għal ċertu karigi iiżda mbagħad biex ikollhom liċenzja jridu jkunu mhux inqas minn 18-il sena.

Aħna naqblu ħafna ma’ kampanji li jħeġġu lin-nies jużaw aktar it-trasport pubbliku. Jekk xejn dan inaqqas it-tniġġis fl-istess waqt li jkun hemm aktar sigurtà fit-toroq ta’ pajjiżna.

Il-proposta tal-UE tgħid li s-sewwieqa ta’ 17-il sena għandhom ikunu sorveljaxti għal sena sħiħa fis-sewqan qabel jingħataw il-liċenzja. Hawnhekk nistaqsu kemm din tista’ tkun effettiva f’pajjiżna u x’infurzar se jkun qiegħed isir biex ikun ikkonfermat li tassew persuna li għandha inqas minn 18-il sena jkollha magħha persuna li takkumpanjaha fis-sewqan.

Għalhekk, filwaqt li nifhmu l-ġenwnità ta’ din il-miżura, però ma nistgħux inwarrbu ċ-ċirkostanzi l-oħra kollu li jeżistu f’pajjiżna.

Sport