Monday, December 23, 2024

Sirens jirritornaw għar-rebħ

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Floriana ………..1

Sirens ……………2

Wara d-disfatta tat-telfa umiljanti ta’ 6-1 kontra Balzan fi tmiem il-ġimgħa li għadda, f’konfront mill-isbaħ li paxxa lil dawk preżenti, Sirens irritornaw għar- rebħ meta għelbu l-isfida ta’ Floriana bl-iskor ta’ 2-1, bil-goals tagħhom jaslu wieħed f’kull taqsima.

Kollox ma’ kollox kienet rebħa meritata għal Sirens li dehru tattikament ferm organizzati bi Floriana jonqsu milli jimpressjonaw, għalkemm kellhom il-mumenti pożittivi tagħhom fil-bidu tat-tieni taqsima fejn irnexxielhom anke jiksbu l-goal tad-draw.

Permezz ta’ din ir-rebħa, Sirens telgħu fis-sitt post tal-klassifika b’14-il punt.

Kienu Floriana li ħarġu fuq l-offensiva u wara biss żewġ minuti Brandon Paiber xeħet cross għan-nofs, b’Oualid El Hasni jkollu d-daqqa ta’ ras tiegħu minn taħt il-lasti tin­temm ftit barra.

Sirens wieġbu fl-24 minuta meta Kemar Reid indirizza cross insidjuż fejn Bogdan Gavrila ttanta xortih permezz ta’ xutt mill-ewwel li iżda ntemm għoli.

Huma komplew jipproduċu l-isbaħ logħob u fil-35 minuta meritatament fetħu l-iskor meta Reid qabeż tajjeb lil Ryan Camenzuli qabel xeħet cross b’Bogdan Gavrila ma jolqotx il-ballun li ntemm għand CARLO ZAMMIT LONARDELLI li kkonkluda għal ġewwa.

Iżda jidher li t-team talk tal-coach Taljan ta’ Floriana, Gianluca Atzori, fil-mistrieħ ħalliet il-frott meħtieġ hekk kif fil-ftuħ tat-tieni taqsima eżattament fil-51 minuta, il-Greens ħarġu qishom iljuni u kisbu d-draw meta Kristijan Keqi b’eleganza għadda l-ballun bit-takkuna lejn DANIEL AGIUS li mill-viċin spara ġewwa.

Madankolu, Sirens għam­lu reazzjoni u bdew jippressaw biex jerġgħu jaqilbu l-iskor favur tagħhom u,  fid-69 minuta, irnexxielhom jagħmlu dan meta wara li rċieva l-ballun minn cross, BOGDAN GAVRILA kkon­trolla tajjeb, b’eleganza dar mal-goalkeeper, Georgi Ki­­tanov, qabel tefa’ gewwa, biex tefa’ lill-partitarji tat-team minn San Pawl il-Baħar f’dellirju ta’ ferħ.

Sirens komplew jammi­nistraw il-vantaġġ minimu li kellhom sa tmiem il-partita bil-Greens jippruvaw jinfdu lid-difiża avversarja li iżda kienet ferm kumpatta u organizzata fejn annullat għal kollox l-attakki tat-team immexxi minn Atzori

FLORIANA: 33-Georgi Kitanov, 2-Adam Magri Overend (77-Alejandro Garzia 46), 3-Christian Rutjens, 4-Oualid El Hasni, 5-Zachary Cassar, 7-Augusto Caseres (9-Kristijan Keqi 46), 10-Jose Ulises Arias (29-Eugeniu Rebeja 72), 11-Andrei Ciolacu, 20-Nicolas Garcia, 22-Brandon Paiber (96-Daniel Agius 46), 94-Ryan Camenzuli (14-Bradley Sciberras 72)   – Coach: Gianluca Atzori

SIRENS: 1-Jonathan Debono, 7-Bogdan Gavrila (31-Degran Jackson 81), 9-Kemar Reid, 10-Fernando Brandan, 14-Die­go Albanese, 15-Adrian Borg, 17-Jacob Walker, 21-Carlo Zammit Lonardelli, 22-Alex Cini, 23-Francis William Avoce (2-Antonio Blanco 89), 30-Carlos Riascos   – Coach: Winston Muscat

REFEREE: Stefan Pace

ASS. REFEREES: Luke Portelli, Thomas Debono

RABA’ UFF: Daniel Casha

SKORERS: C. Zammit Lonardelli 35, B. Gavrila 69 (S), D. Agius 51 (F)

AMMONITI: J. Walker, A. Borg, C. Zammit Lonardelli, F. W. Avoce (S), J. Ulises Arias, A. Ciolacu, R. Camenzuli, C. Rutjens, O. El Hasni (F)

Ekonomija

Sport