Sirjan ta’ 23 sena residenti Wied il-Għajn li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, ġie mressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Noel Bartolo fejn ġie akkużat li allegatament ipproduċa materjal pornografiku mal-eks tfajla tiegħu ta’ 15-il sena.
Il-Prosekuzzjoni qalet li kenet l-minuri li għamlet rapport lill-pulizija dwar l-eks sieħeb tagħha. Qalet li kienet ilha sena f’relazzjoni miegħu u li matul dan iż-żmien hu kien jisfurzaha tkun parti minn attivitajiet pornografiċi.
Fir-rapport tagħha l-minuri qalet li kienet qiegħda tibża’ mill-akkużat minħabba li kienet temmet ir-relazzjoni ta’ bejnithom u kellha biża’ li l-akkużat kien se jippubblika jew iqassam l-istess filmati ma’ xi ħbieb jew saħansitra jpoġġihom online.
Minn investigazzjoni li saret, jirriżulta li l-minuri kienet qiegħda tgħix mal-akkużat wara li din ħarbet mill-istitut fejn kienet tgħix wara li ttiħdet mill-ġenituri tagħha b’care order.
L-allegat vittma qalet li s-Sirjan kien żammha kontra r-rieda tagħha fir-residenza tiegħu. Meta l-pulizija ħadu l-mobile tal-akkużat wara li ġie arrestat, sabu divesi filmati tal-minuri waqt li kienet qiegħda tagħmel l-atti sesswali.
L-akużat wieġeb mhux ħati tal-akkużi kontrih filwaqt li d-difiża qalet li f’dan l-istadju mhux se tkun qiegħda titlob għall-ħelsien mill-arrest. Il-Qorti ordnat protezzjoni favur il-minuri.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Dorianne Tabone u John Spiteri flimkien mal-Avukat Etienne Savona u Michael Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali waqt li għall-akkużat dehret l-Avukat Rachel Tua.