Alaza Ali, Sirjan ta’ 20 sena li fil-Qorti qal li jgħix il-Fgura, ġie mmultat €250 wara li ammetta li sprejja kliem f’St. Peter’s Pool f’Delimara.
Il-każ seħħ nhar il-Ħadd li għadda meta sar rapport lill-Pulizija minn xi persuni li kienu qegħdin jgħumu fil-post. Is-Sirjan intlemaħ jaqbad bott tal-isprej u jisprejja kliem mal-faċċata tal-blat.
Il-prosekuzzjoni quddiem il-Maġistrat Micallef Stafrace qalet li l-pulizija marru fuq il-post u sabu lil wieħed miż-żewġ persuni ndikati fejn ittieħed l-għassa ta’ Birżebbuġa biex jiġi mitkellem mill-uffiċjali tal-korp.
Alaza Ali kien illiberat bil-kundizzjoni li ma jagħmilx reat ieħor fi żmien sena.
Aktar kmieni: Il-Pulizija fil-ħin li ġej se tkun qiegħda tressaq il-Qorti żagħżugħ fejn se jiġi akkużat li sprejja kliem u wettaq vandaliżmu f’St. Peter’s Pool f’Delimara.
Dan il-każ seħħ nhar il-Ħadd li għadda u ġie rraportat lill-pulizija minn persuni li kienu qed jgħumu fil-bajja.
Jidher li hemm ritratti u filmat fejn juru liż-żagħżugħ jaqbad bott tal-isprej u bih jikteb kliem mal-blat. Miegħu kien hemm ġuvni ieħor.
Il-pulizija marru fuq il-post u sabu lil wieħed miż-żewġ żgħażagħ fejn ħaduh l-għassa ta’ Birżebbuġa biex jiġi mitkellem mill-investigaturi.
Hu se jkun qiegħed jitressaq il-Qorti quddiem il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace.