Wednesday, April 24, 2024

Sistema fejn anzjani jgħixu flimkien minflok imorru f’home

Il-ġerantologu Anthony Agius Decelis jisħaq li fejn din hija possibbli “m’hawnx aħjar minnhekk”

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

F’Malta persuna minn kull ħamsa għandha ‘l fuq minn 65 sena, fażi fil-ħajja kkonsidrata bħala t-tielet età, jew inkella l-anzjanità. F’din il-fażi tal-ħajja persuna tkun irtirat mix-xogħol u ssib aktar ħin biex tgawdi lill-għeżież tagħha u tagħmel l-attivitajiet li qatt ma kellha ċans tagħmel fil-ħajja impenjattiva tax-xogħol u fit-trobbija tal-familja. L-anzjanità attiva u indipendenti, għal dawk li jkollhom il-grazzja li jaslu għaliha, hija l-aħjar mod kif persuna tgħix it-tielet età. Min-naħa l-oħra, l-idea li fl-għabex tal-ħajja l-bniedem imur jgħix f’dar tal-anzjani mhiex attraenti għal kulħadd u għadd ta’ pajjiżi, inklużi Malta, aktar  ma jgħaddi ż-żmien, aktar qegħdin iħeġġu biex l-anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunitajiet li jkunu draw fihom. 

Biex jintlaħaq dan l-għan mhux la kemm tgħidu. Li anzjan avvanzat sew fl-età, ikun jista’ jgħix b’mod indipendenti u moqdi minn dak kollu li għandu bżonn bħal servizzi tas-saħħa, aċċessibbiltà fir-residenza, trasport, mediċini, ikel u idealment xi tip ta’ kumpanija jew wens, hija mira li għandha tkun studjata sew. 

Sistema interessanti ferm li qiegħda tiżdied fil-popolarità tagħha f’pajjiżi Ewropej hija dik li minflok persuna avvanzata fl-età tmur tgħix f’dar tal-anzjani (home) din tibqa’ tgħix fid-dar tagħha jew inkella tmur f’residenza ta’ ħaddieħor ma’ anzjani oħra. Gruppi ta’ żewġ, tliet u anke erba’ anzjani fl-istess faxxa ta’ età, b’interessi komuni u idealment anke abitudnijiet konformi, qegħdin jingħaqdu biex b’hekk ikomplu ħajjithom “normali” b’sistema magħrufa bħala l-“co-housing”. 

B’kollaborazzjoni bejn dawk involuti, is-sistema tal-“co-housing” qiegħed toffri l-possibbiltà li anzjani ħbieb antiki jew inkella persuni fl-istess ċirkostanzi, jgħaqdu l-forzi taħt saqaf wieħed u barra għajnuna reċiproka, iżommu kumpanija lil xulxin li sservi ta’ spalla u kenn għal kulħadd. 

“Il-bniedem huwa annimal soċjali”

F’realtà fejn in-numru ta’ persuni li jgħixu waħidhom qiegħed dejjem jiżdied, kif ukoll qiegħda tiżdied l-età ta’ kemm wieħed jgħix, alternattiva bħal din għall-anzjani hija waħda ta’ min jikkonsidraha. Rigward din l-akkomodazzjoni alternattiva għall-anzjani dan is-sit tkellem mal-ġerantologu Anthony Agius Decelis fejn qalilna li, “sakemm l-anzjani jkunu indipendenti u jistgħu jgħixu mingħajr għajnuna ta’ ħadd għajr li jkollhom bżonn ta’ ftit kumpanija ta’ xi ħaddieħor, m’hawnx aħjar minnhekk. Il-bniedem huwa annimal soċjali u huwa importanti li nibqgħu ngħixu u naqsmu kollox flimkien inklużi l-kontijiet tad-dawl, tal-ilma, tat-telefon u l-ikel li nieklu. Iva,  din hija idea sabiħa ħafna”.

Aguis Decelis qal li fi żmienu kienu jaqsmu l-anzjanità fi tliet kategoriji li kienu: l-ewwel kategorija jkun fiha anzjani li l-aktar għandhom bżonn ta’ għajnuna u sapport; it-tieni kategorija huma l-anzjani li għandhom bżonn ftit għajnuna biex jibqgħu jgħixu indipendenti mentri, fit-tielet kategorija, jikkwalifikaw dawk li m’għandhom bżonn ta’ ebda għajnuna biex jgħixu ħajja indipendenti. Huwa spjega li l-iskop prinċipali huwa li, “fil-homes tagħna jkun hemm anzjani fl-ewwel u t-tieni kategoriji”. 

Sistema li biha ħadd ma jħossu maqtugħ… għall-anzjani dan ifisser ħafna

Meta wieħed jitkellem fuq l-anzjani, tradizzjonalment u qisu b’mod awtomatiku jaħseb fis-solitudni iżda, tajjeb li jingħad li s-solitudni tinsab f’kull strat tas-soċjetà fejn, biex persuna ma tħosshiex waħidha, din għandha dejjem tara li jkollha relazzjonijiet tajbin tul il-ħajja kollha u mhux biss fl-anzjanità għax f’dan l-istadju, ikun tard wisq.

Fl-istess ħin, is-sistema tal-“co-housing” tgħin lil dawk l-anzjani li jgħixu waħidhom imma jkunu jridu kumpanija ta’ persuna oħra. Permezz ta’ din is-sistema wkoll, aktar anzjani jibqgħu jgħixu fil-komunità u kif spjega Agius Decelis, “allura dan isarraf f’inqas spejjeż fejn jidħlu akkomodazzjonijiet fid-djar tal-anzjani”. Huwa qal li meta persuna tgħix fi grupp, sistema ta’ dan it-tip tista’ tgħin biex ħadd ma jħossu maqtugħ u dan għall-anzjani jfisser ħafna. “Biex din tirnexxi, kull individwu jrid jaħdem biex ikun jista’ jgħix u jaqsam ħajtu ma’ ħaddieħor,” kompla l-ġerantologu.

“Biex din tirnexxi, kull individwu jrid jaħdem biex ikun jista’ jgħix u jaqsam ħajtu ma’ ħaddieħor”

Anthony Agius Decelis

Minħabba li huwa fatt magħruf li fil-proċess naturali tal-bniedem aktar ma’ persuna tavvanza fl-età, aktar ikun hemm bżonn ta’ attenzjoni medika, servizz tas-saħħa affidabbli u disponibbli għalihom huwa vitali. F’dan ir-rigward Agius Decelis ikkonferma li servizz ta’ tobba fil-komunità f’każ li din is-sistema tidħol anke f’pajjiżna, mhuwiex problema. Dan minħabba li, “is-servizz ta’ tobba fil-komunità diġà ilu s-snin jeżisti. Dan beda fi żmien Gvern Laburista u ilu mis-snin 70. Għamlu b’xejn u għal kulħadd. Dan ifisser li fejn hemm bżonn ta’ servizz ta’ tobba, dawn ukoll sejrin jinqdew sewwa bis-sitemap tas-saħħa b’xejn li diġà għandna”.

Proġett pilota li jista’ jagħti bidu għal stil ta’ ħajja differenti

Bħala ġerantologu, Aguis Decelis jaqbel li jista’ jsir proġett pilota ta’ “co-housing” għall-anzjani bil-għan li jħajjar u jinkoraġixxi aktar anzjani biex jibqgħu jgħixu fil-komunitajiet tagħna. Huwa kkonferma li, “iva, il-Gvern jista’ joħloq skemi wkoll biex ikunu regolarizzati l-ħlasijiet ta’ kemm kull anzjan irid iħallas anke lil dawk l-anzjani li għandhom djar tagħhom u jridu joffru akkomodazzjoni lil anzjani oħra li m’għandhomx dar tagħhom”. 

Mistoqsi x’jaħseb jekk sistema ta’ dan it-tip hiex vijabbli li tkun estiża f’tip ta’ villaġġ kommunitarju għall-anzjani mgħammar fost l-oħrajn b’gyms apposta u ċinema li juru films klassiċi, Aguis Decelis spjega li meta jkollok akkomodazzjonijiet bħal dawn m’hemmx għalfejn toħloq servizzi ta’ dan it-tip f’kull post, “imma tista’, biex tiffranka l-flus, tuża servizzi diġà eżistenti u tiġbor lill-anzjani billi torganizza trasport adegwat għal dawn is-servizzi. B’hekk ikollok servizzi li qegħdin jintużaw minn iktar anzjani”.

Min-naħa tiegħu Anthony Aguis Decelis, li ħadem u għadu jaħdem tant għall-ġid tal-popolazzjoni anzjana f’pajjiżna, ried jgħaddi messaġġ. Huwa tal-fehma li qatt m’għandek taħli minuta li hija minuta minn ħajtek. “Importanti li tkompli tgħix b’mod attiv il-ħin kollu b’mod kontinwu bla ma qatt toqgħod mgħaxxex f’xi kantuniera ma tagħmel xejn tistenna l-ħin għaddej,” temm dan il-ġerantologu.

Sport