Tuesday, April 30, 2024

Snooker – Welsh Open: Kurt Maflin jegħleb lil Mark Williams

Aqra wkoll

Kurt Maflin temm it-tentattiv ta’ Mark Williams għall-ewwel titlu tiegħu tal-Welsh Open fi 23 sena, meta elimina lill-favorit tal-partitarji ta’ pajjiżu 4-3 f’konfront ferm interessanti.

In-Norveġiż Maflin gawda minn titjib fil-forma tiegħu fl-aħħar ġimgħat, wara li kellu bidu diffiċli għall-istaġun. Huwa għeleb liċ-champion tad-dinja tal-2019, Judd Trump, f’mixja għall-aħħar 16 tal-European Masters tal-ġimgħa li għaddiet u issa żied lir-re tal-Crucible tliet darbiet, Williams.

Huma qasmu l-ewwel żewġ frames, qabel breaks ta’ 60 u 57 raw lil Maflin imur wieħed bogħod mir-rebħa bl-iskor ta’ 3-1. Williams irnexxielu jirbaħ iż-żewġ frames li kien imiss biex daħlu fil-frame deċiżiv. Madankollu, kien Maflin li pproduċa break mill-isbaħ ta’ 74 biex issiġilla r-rebħa.

John Higgins kompla bis-sensiela bla waqfien tal-bini tal-breaks meta warrab lil Soheil Vahedi tal-Iran b’whitewash, 4-0. Huwa għamel breaks ta’  102, 70, 110 u 60 waqt li Vahedi għamel 78 punt fl-erba’ biss.

Fl-aħħar 32 Higgins se jiltaqa’ ma’ Ali Carter li min-naħa tiegħu għeleb  lill-player femminili minn Homg Kong, Ng On Yee, 4-1. Huwa għamel break ta’108 fir-raba’ frame wara li Ng rebħet l-ewwel frame bi break ta’ 51.

Ding Junhui kien f’burdata tajba meta għeleb lil Michael Holt 4-1 meta wara li dan rebaħ l-ewwel frame Ding irrisponda b’erbgħa wara xulxin inklużi tliet centuries ta’ 111, 103 u 138.

Ronnie O’Sullivan, li l-Ħadd tilef il-finali tal-European Masters kontra Fan Zhengyi 10-9, lagħab il-logħba tal-ewwel round fit-tieni ġurnata minflok l-għada minħabba l-finali msemmija.

Huwa ma tantx kellu diffikulta’ jelimina lil James Cahill 4-0 bi breaks ta’ 53, 83 u 90 biex ħalla lill-avversarju jħares tant li dan għamel biss 36 punt.

Neil Robertson għeleb lil Hammad Miah 4-1 inklużi breaks ta’ 101 u 119, Judd Trump għamel l-istess meta għe­leb lil Craig Steadman 4-1 ukoll bi breaks ta’ 108 u 120 waqt li Mark Allen elimina lill-Ukren, Iulian Boiko 4-0.

Riżultati oħra mit-tieni round: Mitchell Mann v Ben Hancorn 4-1; Yuan SiJun v Rory McLeod 4-3; Hossein Vafaei v Robbie Williams 4-3; Ben Woollaston v Liang Wenbo  4-3; Jimmy Robertson v Jamie Jones 4-3; Joe Perry v Cao Yupeng 4-3; Scott Davidson v Andrew Pagett 4-0; Fergal O’Brien v Thepchaiya Un-Nooh 4-3; Jack Lisowski v Chris Wakelin 4-2; Matthew Selt v Mark Davis 4-1; Zhang Anda v Mark Joyce 4-2. 

Sport