Thursday, April 18, 2024

IT-TIENI ĠIMGĦA TAL-KAMPANJA ELETTORALI

Aqra wkoll

Qegħdin fit-tieni ġimgħa tal-kampanja elettorali.  Fil-bidu tal-ġimgħa rajt il-konferenza stampa li fiha l-Prim Ministru jsemmi miżuri ġodda li ser ikunu fil-programm elettorali.  Din id-darba iż-żona li ġiet ittrattatha kienet il-familja.  Jekk ma ħareġ xejn, żgur li ħarġet id-differenza tal-programmi elettorali u anki kif iż-żewġ partiti qed imexxu l-kampanja elettorali.  Filwaqt li l-Partit Laburista qiegħed juri li mhux biss hu kapaċi li jipproponi imma dan qed jagħmlu b’mod li jittratta sezzjonijiet b’mod ħolistiku, il-PN daqqa jolqot ‘l hawn u daqqa jolqot ‘l hemm. 

Din il-ġimgħa s-suġġett hu l-familja. Għalhekk il-miżuri bdew bl-IVF u kif il-gvern ser ikompli jżid dan is-servizz.  Tajjeb niftakru meta l-PN kien fil-gvern, fl-2008, meta fetaħ l-isptar li kien fiha sezzjoni tal-IVF.  Biss is-sezzjoni tal-IVF ma ħaddimhiex minħabba li kien hemm oppożizzjoni mill-Knisja.  Kien meta tela’ gvern Laburista u mar biex iħaddem din is-sezzjoni sab li l-apparat ried jinbidel peress li skada minkejja li kien għadu ġdid.  Meta beda jħaddem din is-sezzjoni kien hemm oppożizzjoni mill-Knisja.

Jien kont skantat għaliex l-IVF hu żvilupp xjentifiku kif nistgħu ngħinu lill-familji biex minkejja d-diffikultajiet naturali jkun jista’ jkollhom it-tfal – li jfisser li nkunu qed ngħinu li jkun hemm ħajjiet ġodda.  Biss in-nies li kienu jgħidu li huma favur il-ħajja għamlu oppożizzjoni.  Wieħed mill-qassisin kien sejjaħ lit-tfal li jitwieldu bl-IVF bħala ‘prodotti’.  Għadni sal-lum nixtieq inkun naf jekk għammidx xi ‘prodott’ minn dawn. 

Meta l-gvern Laburista kien qed jirranġa l-liġi biex aktar nies ikunu jistgħu jaqtgħu xewqithom li jkollhom it-tfal u dan seta’ jsir permezz ta’ tekniċi tal-IVF, il-PN kien oppona dan it-tibdil.  Issa li waslet l-elezzjoni bilkemm ma jridx jgħid li kien hu li ta din il-faċilità lin-nies Maltin li jkunu jistgħu jaqtgħu xewqithom Malta u mhux ikollhom imorru barra minn Malta biex ikollhom tarbija. Imma mbagħad, mingħajr ma semma jekk il-pożizzjoni tal-PN, ipprova joħroġ bi proposta mingħajr dettalji – li fil-fatt ma tfisser xejn.

Il-proposti tal-PL ma waqfux mat-twelid tat-tfal imma raw kif il-gvern jista’ jgħin lill-familji biex ikunu jistgħu jippreparaw lit-tfal permezz tal-edukazzjoni biex ikunu kapaċi jmexxu lil Malta fil-futur.

Biss bqajt skantat bil-mistoqsijiet li għamlu l-ġurnalisti lill-PM.  Ma staqsew xejn dwar dak li semma l-PM imma qabdu dwaru.  Skantajt sa ċertu punt għaliex ir-riżultati tas-surveys fl-aħħar tal-ewwel ġimgħa wrew id-distakk li hemm bejn il-mexxejja.  

Li skantajt kien li bil-mistoqsijiet tagħhom bdew jimplikaw affarijiet fuqu mingħajr ma ħarġu fatti.  Skantajt għax jien nistenna li ġurnalista, li suppost hu professjonista, qabel ma jimplika ċerti affarijiet ikun għamel riċerka u mhux sempliċiment li jassumi li dak li qalulu fuq xi ħadd hu minnu.  Nistenna li meta xi ħadd jsemmi xi ħaġa fuq xi ħadd ma xi ġurnalista, dan jinvestiga li dak li qalulu hu minnu qabel ma jiftaħ ħalqu.  Fuq kollox, skont ma qal il-PM ma kellhomx xi biċċa xogħol kbira għaliex id-dokumenti huma pubbliċi u għalhekk setgħu jarawhom mingħajr diffikulta’ u meta jistaqsu jibbażawhom fuq dak li raw u mhux jistaqsu dak li qalulhom biex jistaqsu.

Biss jidher li l-ġurnalisti sabu t-triq ta’ ċerti Membri Parlamentari Nazzjonalisti aktar faċli li timplika affarijiet mingħajr ma titħabat biex iġġib il-provi.  Dawn mhux biss qed iderri lil kulħadd jaġixxi b’dan il-nod irresponsabbli imma qed itebbaw lill-Malta.

Din mhix xi ħaġa stramba għaliex niftakru sew l-attakki u l-gideb li qalgħu fuq Joseph Muscat. Mhux talli ma kienx hemm provi imma dawk il-provi li ġabu kienu foloz.  S’intendi dawn il-qlajjiet kienu ħargu qabel l-elezzjoni biex ma jkunx hemm ċans li Joseph Muscat inaddaf ismu qabel l-elezzjoni.  Din hi xi ħaġa li nistennewha.  Niftakru meta Fenech Adami fl-aħħar ġurnata ta’ kampanja elettorali kien ħareġ b’gidba fuq Alfred Sant.  Niftakru li ma kien semma xejn qabel, imma semmiha fl-aħħar ġurnata tal-kampanja elettorali biex ma jkunx hemm ċans li qabel l-elezzjoni toħroġ li dak li qal kienet gidba.  Dan juri n-negattivita’ tal-PN.

Dan hu l-futur li kapaċi jagħtuna tal-PN.  

Ftit ilu, kumbinazzjoni rajt biċċa mill-programm Realtà fejn kien hemm il-Ministru Rodrick Galdes għan-naħa tal-PL u Justin Schembri għan-naħa tal-PN.  Ħadt gost nara lil Justin għaliex uriena ċar l-arroganza u kif iħossu li huma biss għandhom id-dritt li jitkellmu għax ma jħallu lil ħadd jgħid tiegħu.  L-arroganza ħarġet għaliex, pereżempju, fl-istess ħin semma fuq gvernijiet tal-passat filwaqt li semma l-faqar.  S’intendi meta jsemmu l-passat ma jsemmux it-tgħaffiġ li kienu jagħmlu.  Kulħadd jiftakar meta l-għaref Gonzi kien qal li l-faqar f’Malta ma jeżistix.  Qal li kull ma hu perċezzjoni tan-nies.  Dan wara li kien għolla l-prezzijiet tal-enerġija b’mod li skont l-UE l-faqar f’din is-sezzjoni l-faqar kien tela’ minn 9 għal 24% tal-popolazzjoni li jfisser li wieħed minn kull 4 Maltin kienu waqgħu fil-faqar meta għolla l-prezz tal-elettriku b’dak il-mod.  Fuq kollox kulħadd jiftakar li meta ħa din l-azzjoni ma ddispjaċihx imma kien kburi li ħa din l-azzjoni.  Irridu niftakru wkoll li meta dan ġara ma kienx waħdu fil-Parlament għax kien hemm il-klilkka li llum tikkontrolla lill-PN u lil Bernard Grech. 

Din il-ġimgħa ħarġu żewġ affarijiet interessanti li juru d-differenza bejn  il-PN u l-PL.  Nerġa’ nsemmi l-programm tal-PN.  Ħaġa li skantajt ħafna kienet li l-PN diġa’ biddel punti mill-programm elettorali tiegħu tliet darbiet.  Fil-fatt meta kien ġie mistoqsi dwarha, Bernard Grech qal li dan ser jibqa’ jinbidel skont ir-reazzjoni tan-nies.  Jekk ma jfisser xejn, dan juri kemm il-PN hu maqtugħ min-nies.  Ir-raġuni hi li programm elettorali jinħadem bħal programmi oħra.  L-ewwel isir studju fuq is-sitwazzjoni kif tkun.  Imma l-programm ma jieqafx hemm.  Wara ssir konsultazzjoni biex int tara jekk l-analiżi tiegħek hi koretta, jekk int ikkunsidrajtx il-fatturi kollha, u kemm l-azzjonijiet ippjanati jiswew u kemm ser ikunu effettivi.  Hu wara din il-konsultazzjoni li wieħed jieħu dan il-programm biex jiġi approvat.  

Peress li dan il-programm qed jinbidel, dan qed joħloq problemi għal dawk in-nies li ser jivvutaw skont il-programm elettorali.  Dan għaliex ma jistgħux iqabblu l-programmi taż-żewġ partiti ma xulxin minħabba li tal-PN dejjem jinbidel.  Sa ċertu punt din mhix xi ħaġa ġdida għall-PN għaliex, għalihom, il-programm elettorali mhux programm ta’ kif ser iħaddmu l-gvern imma sempliċiment attivita’ politika ta’ qabel l-elezzjoni biex iġibu l-voti.  Dan rajnih fil-passat fejn l-ewwel ikollna programm mimli affarijiet li l-poplu jrid, imma kif tgħaddi l-elezzjoni jgħidulna li minħabba ċ-ċirkostanzi dawn ma jistgħux iwettquh.

Punt ieħor li jiddistingwi sew liż-żewġ partiti u sew lill-membri tal-partiti ħareġ ftit ilu.  Minn survey ħareġ li terz tal-Laburisti jippreferu lil Joseph Muscat minn Robert Abela.  Din mhix xi ħaġa ġdida u hi xi ħaġa komuni f’kull demokrazija fejn ikollok elezzjoni.  Imma d-differenza hi hawn.  Filwaqt in-Nazzjonalisti ma jaċċettawx ir-riżultat, jekk dan ma jkunx kif jixtiequ huma, tarahom jaħdmu minn wara l-mexxej biex itajruh. Fil-Partit Laburista l-affarijiet huma differenti.  Fil-PL kif joħroġ ir-riżultat il-membri jaċċettawh u minkejja l-preferenza tagħhom xorta jibqgħu leali mhux biss lejn il-Partit imma anki lejn il-mexxej ġdid.  Dan għaliex il-Laburisti jemmnu fid-demokrazija.  

Karatteristika tal-PN hi li ħafna minnhom jemmnu li huma ġew maħluqa biex imexxu huma u għalhekk dak li jagħmlu huma biss hu t-tajjeb.  Hu minħabba dan li huma ma jaċċettawx ir-riżultat.  Din turi n-nuqqas ta’ twemmin fid-demokrazija fil-PN.  

Din toħroġ ukoll fuq id-differenzi tal-ideat li jkun hemm ġo partit.  L-impressjoni li jagħtu ċerta nies, minħabba l-għaqda fil-PL, hi li l-maġġoranza tal-Laburisti huma mingħajr ideat.  Anki fil-PL hemm ideat differenti.  Biss id-differenza hi kif jaġixxu l-Laburisti.  L-ideat differenti huma meqjusa xi ħaġa tajba u mhux attakk fuq min qed imexxi.  Anzi, min qed imexxi jara dawn l-ideat differenti bħala opportunita’ għaliex hemm l-għażla.  Il-proċess ma jieqafx hemm għaliex id-diskussjonijiet li jsiru huma pożittivi u r-riżultat tagħhom hu li minn dawn l-ideat differenti, barra għażla akbar, joħorġu ideat ġodda  li jħarsu l-interessi ta’ kulħadd u mhux biss ta’ xi grupp żgħir.  

Dawn huma fatturi li għalkemm ftit nikellmu dwarhom, huma l-bażi għaliex l-elettorat jagħżel partit u mhux ieħor.

L-Ukranja

Il-gwerra bejn ir-Russja u l-Ukranja ħasdet lill-maġġoranza.  Imma din ma żviluppatx mil-lum għal għada.  Ilha ġejja għaliex il-gwerra bierda ilha hemm.  Parti mit-tort hu tal-UE.  Ir-raġuni hi li kif it-tensjoni ħraxet, minflok it-taħditiet saru bejn l-UE u r-Russja, saru bejn l-Istati Uniti u r-Russja u l-UE kellha tibqa’ hemm tħares ċassa u tiffaċċja r-riżultati.  Ir-raġunar kellu jkun li l-UE għandha tmexxi t-taħditiet għaliex hi l-ewwel li ser tintlaqat.  

Rajna d-differenza meta Macron mar u tkellem ma’ Putin.  Bażi ta’ soluzzjoni bdiet tidher.  Dan kien kontra ta’ dak li ġara meta mexxew u għamlu t-taħditiet waħedhom l-Amerikani.  Li kieku l-Ewropa mxew kif riedet Franza u l-Ġermanja, is-sitwazzjoni kienet tkun differenti.  Imma l-pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant kellhom pożizzjoni oħra li riedu juru s-saħħa permezz tan-NATO.  

Ħafna qed iqiesu li aħna m’aħniex imdaħħlin.  Irridu jew ma rridux, fl-Ewropa qegħdin u għalhekk dak li jiġri ser jaffettwana.  Jekk l-affarijiet jiħraxu hemm perikli kbar.  Periklu li qiegħed hemm li l-ġlied jinfirex u jekk isir dan min ikun qed taħt ser jagħmel minn kollox biex joħroġ rebbieħ – inkluż l-użu tal-armi nukleari.  Dan ikun diżastru għalina.  

Ir-raġuni hi li jekk aħna nkunu b’xi mod imdaħħla, bomba nukleari waħda teqridna kollha għaliex min ma jmutx bl-isplużjoni jmut bir-radjazzjoni.  Anki jekk aħna ma nkunux imdaħħlin u jkun hemm gwerra fl-Ewropa, ir-radjazzjoni xorta tolqotna.

Għadna ma nistgħux nirrealizzaw li qed ngħixu fuq satellita fejn ma hemmx spazju għall-ġlied.  Dan barra l-fatt li qed nagħmlu ħajjitna miżerja.  Hu għalhekk li rridu naħdmu ħafna aktar biex mhux biss noħorġu minn din il-basla imma li nsibu soluzzjoni ta’ kif nistgħu ngħixu ma xulxin mingħajr tensjoni.  Dan hu l-paċi.  

Ekonomija

Sport