Sunday, May 5, 2024

Spanja b’temperatura rekord għax-xahar ta’ April

Nirayl Grech
Nirayl Grech
Ġurnalista

Aqra wkoll

Hekk kif is-sajf jinsab magħna, bosta huma dawk il-pajjiżi li qegħdin jesperjenzaw temperaturi sħan u bidla drastika fil-klima. Skont l-Uffiċju Meterjoloġiku ta’ Spanja, aktar kmieni fil-pajjiż ġiet irreġistrata l-aktar temperatura sħuna li qatt kellha f’April, dik li laħħqet it-38.8 gradi celcius.

L-istess ċifra, li wriet rekord fi Spanja, intlaħqet ukoll fl-ajruport ta’ Cordoba, fin-Nofsinhar tal-pajjiż. Huwa mifhum li għal ġranet sħaħ, il-mewġa qawwija ta’ sħana laqtet lill-pajjiż b’temperaturi ta’ 10 sa 15 gradi celcuis iktar min-normal milli kien mistenni fix-xahar ta’ April.

F’kumment li ta lil midja internazzjonali, il-kelliem għall-Uffiċċju Meterjoloġiku, Cayetano Torres qal li t-temperaturi fil-pajjiż mhumiex normali u li huma kompletament barra mill-kontroll din is-sena. L-esperti f’dan il-qasam ukoll kienu sorpriżi bl-iskala ta’ sħana esperjenzata fin-Nofsinhar tal-pajjiż fl-aħħar jiem.

Fuq l-account tiegħu fuq Twitter, espert tal-klima Maximiliano Herrera qal li dan l-avveniment tas-sħana fi Spanja huwa sitwazzjoni estrema u bla preċedent għar-raġuni li temperaturi bħal dawn qatt ma dehru, partikolarment fix-xhur ta’ April.

Cristina Linares, li hija xjentista li taħdem fl-Istitut tas-Saħħa tal-pajjiż għamlet twissija b’mod partikolari dwar l-impatt fuq il-foqra. Hija qalet: “Il-faqar huwa l-fattur ewlieni meta wieħed jiġi biex jispjega għaliex hemm aktar imwiet assoċjati ma’ temperaturi estremi.’’

Il-mewġa tas-sħana qed tolqot diversi pajjiżi globalment, hekk kif it-tibdil fil-klima bħalissa juri li t-temperaturi qegħdin ikomplu jogħlew b’mod naturali. Filwaqt li partijiet tar-Renju Unit huma aktar friski mill-medja bħalissa, l-oppost huwa l-każ f’ħafna reġjuni ta’ Spanja.

Meteorologi jgħidu li taħlita ta’ fatturi hija responsabbli għat-temperaturi eċċezzjonali li qed jidhru hemm din il-ġimgħa. Esperti f’dan il-qasam qegħdin jgħidu li t-temp sħun madwar l-Afrika ta’ Fuq qiegħed jimbotta s-sħana fl-Ewropa.Din qed tqajjem il-prospett ta’ nirien fil-foresti bikrin, bis-servizz nazzjonali tat-temp iwissi li partijiet kbar tal-pajjiż ikunu f’riskju. Spanja rat l-aktar art maħruqa minn kwalunkwe pajjiż fl-Ewropa fl-2022.

Waqt intervista li saret minn midja internazzjonali, kelliema għas-servizz tat-tibdil fil-klima, iddiskreviet is-sena 2022 bħala t-tieni l-aktar sena sħuna fl-Ewropa. Hija qalet; “L-Ewropa qed tissaħħan bid-doppju tar-rata globali u nafu għaliex hemm rata ogħla ta ’tisħin, hemm probabbiltà ogħla ta’ avvenimenti estremi. U dawk l-avvenimenti estremi jinkludu mewġ tas-sħana.”

Sport