Monday, December 9, 2024

Spazji miftuħa

Jikteb MARIO FAVA

Aqra wkoll

Aħbar li forsi ftit ingħatat importanza kienet dik ta’ ftit tal-jiem ilu fejn tħabbar li erba’ artijiet li bil-pjanijiet tal-lokali tal-lum, jistgħu jiġu żviluppati, ġew identifikati sabiex fihom isiru spazji miftuħa. Artijiet li faċilment setgħu ġew żviluppati u kienu jkomplu jżidu mal-konkos u ġebel li normalment jiddominaw il-lokalitajiet tagħna. Dawn is-siti jinsabu ġewwa Ta’ Ġiorni (San Ġiljan), Ħal Kirkop, Ħal Luqa u Ħal Lija.

Dawn huma d-deċiżjonijiet li bla dubju ta’ xejn għandhom jintlaqgħu b’mod pożittiv minn kulħadd. Proġetti li minnhom infushom se jkunu qed jaraw ammonti ta’ siġar, pjanti u arbuxelli oħrajn, filwaqt li jagħtu opportunità lir-residenti fejn jistgħu jiltaqgħu, jissoċjalizzaw u jilagħbu.

F’pajjiżna għandna ġonna mifruxa ‘l hawn u ‘l hemm imma dawn huma kollha postijiet li biex wieħed jasal fihom irid bilfors jivvjaġġa bil-karozza privata tiegħu. Hawnhekk qed naraw proġetti li sabiex resident jagħmel użu minnhom, jista’ jħalli l-vettura tiegħu d-dar u jimxi sa dawn il-postijiet. Xi ħaġa li tkompli żżid mat-traffiku li għandna kif ukoll il-problemi kollha li dan iġib miegħu.

Għalhekk huwa importanti li nibdew naħsbu fi proġetti li jkunu fuq skala iżgħar imma fil-qalba tal-lokalitajiet, bħalma huma dawn li qed insemmu. B’hekk, ġenituri u t-tfal tagħhom, ikunu jistgħu jiffrekwentaw postijiet ta’ rilassament, fuq ir-riġel mid-dar tagħhom stess, bil-benefiċċji kollha li dan iġib miegħu.

Dawn l-erba’ proġetti li ġew imħabbra, flimkien se jkunu qed jammontaw għal ftit aktar minn 8,000 metru kwadru, li huma parti minn proġett ikbar, fejn 20,000 metru kwadru li huma fiż-żona ta’ żvilupp se jkunu qed jiġu trasformati fi proġetti bħal dawn. Ifisser li dawn l-erba’ lokalitajiet mhumiex uniċi li se jgawdu minn din il-bidla.

Dan huwa tajjeb mhux biss għaliex dan kien maħsub u miktub fil-manifest tal-Gvern, imma għaliex hija bidla fid-direzzjoni fejn qed nifhmu dejjem aktar l-importanza li jkollna spazji viċin tagħna li permezz tagħhom nistgħu nkissru l-monotonija jew rutina ta’ kuljum. Jekk xejn, il-pandemija uriet kemm dan huwa meħtieġ. Huwa meħtieġ ukoll għaliex huwa fatt pruvat li ambjent urban sabiħ, bilanċjat u b’saħħtu huwa essenzjali biex raħal, belt, pajjiż, ikollhom livell ta’ saħħa mentali tajba.

Is-saħħa mentali saret prijorità assoluta fuq livell globali u huwa fatt maghruf li spazji miftuħa jgħinu sabiex tissaħħaħ il-kura mentali ta’ dawk li jmissu man-natura. Mhux biss, izda dawn jikkontribwixxu wkoll għal tisħiħ fir-relazzjonijiet. U la darba s-saħħa mentali hija meqjusa bħala dritt fundamentali tal-bniedem, huwa neċessarju u important li naraw li l-ambjent urban ta’ madwarna jkun wieħed san.

Proġetti oħra li jistgħu jwasslu għal dan ir-riżultat huma ħitan vertikali ħodor, segregazzjoni bejn il-vetturi fit-triq u modi oħra ta’ transport bi planters kbar bil-fjuri, mogħdijiet li jagħtu għal numru ta’ djar bi xtieli, kuluri aktar vivaċi ta’ binijiet fil-lokalità. ‘soft areas’ żgħar mifruxa ma’ raħal sħiħ, ‘playing fields, dellija b’ sigar maturi u kbar etc u semmejt kuluri fil-binijiet għaliex ma nistax nifhem li għad hawn min jagħżel jew jidhirlu li hu sabiħ li blokka appartamenti jew xi ħajt massiċċ, jiġi miżbugħ b’kulur griż skur, kważi iswed minflok jintużaw kuluri li jserrħu l-għajn u jagħtu dehra ta’ ħajja mhux togħma ta’ mewt u dlamijiet!

Persuni li jgħixu wehidhom

Fil-pajjiżi membri tal-OECD, il-persuni li jgħuxu weħidhom qed jiżdied. Fi 12-il sena biss, in-numru ta’ persuni li jgħixu weħidhom zdied bi kważi 29% ġewwa l-Unjoni Ewropea biss, u dan in-numru huwa l-aktar ta’ persuni li laħqu ċertu età kemm nisa kif ukoll irġiel.

Għalkemm li tgħix waħdek mhux awtomatikament li tgħix f’solitudni, persuni li jgħixu weħidhom huma aktar suxxettibbli li jiżviluppaw kundizzjonijiet assoċjati mas-solitudni, jew ma’ livell ta’ saħħa baxx. Dan iwassal imbagħad għal iżolazzjoni soċjali, xi ħaġa li tkompli titfa’ l-persuna f’pożizzjoni li mhux faċli toħroġ minnha.

Persuni li jgħixu weħidhom ħafna drabi jagħżlu li jmorru joqogħdu fiċ-ċentru ta’ bliet u żoni ohra urbani aktar milli f’żoni rurali. Dan huwa konfermat minn studji li saru, partikolarment fuq bliet u postijiet oħra Ewropej. Postijiet fejn il-ħdura, l-ispazji, ġonna etċ huma inqas minn żoni rurali. Dan minkejja li b’mod kostanti, studji jibqgħu juru li l-ispazji miftuħa u ambjent urban bilanċjat, jgħin u jtejjeb is-saħħa mentali tal-persuni. L-hekk imsejjaħ, ‘heat island effect’, l-istorbju, kwalità ta’ arja ħażina, densità ta’ nies etċ., kollha jikkontribwixxu b’mod qawwi għal ambjent xejn tajjeb għas-saħħa mentali tal-persuna. Dan b’kuntrarju għal ambjent rurali, fejn huwa ferm iktar facli li tnehhi l-istress u tghix hajja aktar kalma.

U allura x’inhi r-relazzjoni bejn dan kollu u l-erba’ proġetti li semmejt aktar qabel?

Il-fatt li qegħdin inħarsu li noħolqu sopazji ħodor fl-ambjent urban, se jgħin biex jinstab bilanċ bejn in-neċessitajiet li belt jew raħal densa jġibu magħhom mal-bżonn ta’ spazji li fihom persuna tħossha komda tiffrekwenta. Tiltaqa’ ma’ nies oħrajn, tissoċjalizza u tiskambja ideat u esperjenzi. Spazji fejn it-tfal nistgħu nafdawhom jimxu lejhom mid dar u jieħdu żvog wara sigħat mal-pitazzi u l-kotba tal-iskola.

Kif spjegajt aktar qabel, ma jagħmel l-ebda sens li proprju biex tieħu ftit arja, trid tifga l-istess arja bil-kubrit li din tiġġenera biex issuqha. Ma jagħmilx sens li biex tiltaqa’ ma xi ħadd u tgħid kelma, trid issuq kilometri sabiex issib post adekwat biex titkellem ‘il bogħod mill-istorbju taċ-ċentru tal-belt fejn tgħix.

Irridu wkoll naraw li nħajru n-nies jagħmlu użu minn dawn l-ispazji billi biex timxi mid-dar tiegħek għalihom, ikun hemm esperjenza minnha nfisha. Billi jinħolqu kurituri siguri ta’ mixi, dell bis-siġar, u segregazzjoni ta’ modi alternattivi ta’ transport. Dan sabiex inħajru aktar nies jagħmlu użu minnhom u nimmassimizzaw l-użu tagħhom.

Għalhekk nemmen li din il-bidla fid-direzzjoni hija f’waqtha u tant mistennija. Lura fl-2019, konna nitkellmu bħala Kunsilli Lokali fuq l-importanza li jkollna ambjent urban li jtik is-serħan mixtieq, li jipprovdilek alternattivi li jtuk serenità. U allura m’hemmx dubju li din l-inizjattiva li tħabbret, għandha biss tkun il-bidu ta’ ħafna oħrajn bħalha, mhux biss għax hija wegħda elettorali imma għax tassew u verament nemmnu li huwa obbligu tagħna li nagħtu kwalità ta’ ħajja aħjar lir-residenti tagħna fl-ibliet u rħula madwar il-pajjiż.

Segwenti huma eżempji prattiċi ta’ kif jista’ jkollna ambjent urban aħjar, bi spazji żgħar frekwenti milħuqa fuq ir-riġel mir-residenti fil-lokalitajiet.

Ekonomija

Sport