Tuesday, April 30, 2024

Spazju mhux użat f’Santa Venera jiġi mibdul f’żona rikreattiva ġdida permezz ta’ fondi tal-Awtorità tal-Ippjanar

Aqra wkoll

Spazju kbir miftuħ ħdejn numru ta’ appartamenti ta’ akkomodazzjoni soċjali fi Triq il-Palazz l-Aħmar, Santa Venera, ġie mibdul f’żona ta’ rikreazzjoni.

Il-proġett, iffinanzjat permezz tal-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp fi ħdan l-Awtorità tal-Ippjanar, ġie inawgurat mill-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Dr Stefan Zrinzo Azzopardi u l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli s-Sur Roderick Galdes fil-preżenza taċ-Chairperson tal-Awtorità tal-Ippjanar is-Sur Martin Saliba, u s-Sindku ta’ Santa Venera s-Sur Stephen Sultana.

Fost ix-xogħlijiet diversi li saru kien hemm l-installazzjoni ta’ għamara ta’ barra, tagħmir tal-logħob modern u sigur, sistema ta’ sigurtà CCTV, sistema ġdida ta’ dawl, tagħmir ta’ gym ta’ barra u tħawwil ta’ siġar.

Il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar, Dr Stefan Zrinzo Azzopardi, spjega kif il-lokalità ta’ Santa Venera bbenefikat minn madwar €300,000 mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex twettaq diversi xogħlijiet fi spazju rikreattiv li issa jista’ jitgawda mit-tfal. Il-Ministru stqarr kif, permezz tal-Awtorità tal-Ippjanar, Kunsilli Lokali qed jibbenefikaw mill-Fond tal-Ippjanar tal-Iżvilupp sabiex isiru proġetti f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.

Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli, Roderick Galdes, qal li “b’investiment ta’ madwar €75,000 mill-Awtorità tad-Djar qed nagħtu lura, lill-komunità ta’ Santa Venera, post ta’ rikreazzjoni għall-familji u wliedhom, post fejn it-tfal jistgħu jkunu ’l bogħod mit-teknoloġija li nafu ħafna drabi x’effett negattiv ikollha.” Il-Ministru Galdes żied jgħid li “dan l-impenn biex titjieb il-kwalità ta’ żoni bħal dawn ikompli jikkonferma li l-akkomodazzjoni soċjali qed iġġib valur miżjud lil-lokalitajiet li qed jilqgħuha.”

Martin Saliba, Chairperson Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar, waqt l-inawgurazzjoni tal-proġett sostna li “dan il-proġett, qed isebbaħ iż-żona residenzjali magħrufa bħala tar-Palazz l-Aħmar fil-periferija tal-lokalità ta’ Santa Venera u ċertament għandu jtejjeb il-kwalità tal-ħajja u l-ambjent ta’ din il-komunità residenzjali. In-nies mhux biss qed ifittxu aktar spazji miftuħa fil-lokalità tagħhom, iżda l-ispazji miftuħa jrid ikollhom l-infrastruttura li tgħin biex intejbu l-amenità residenzjali.”

Matul l-aħħar 12-il xahar, l-Awtorità permezz tal-Fond għall-Ippjanar tal-Iżvilupp tat €4.6 miljun għal 32 proġett ta’ titjib urban fil-komunità u f’diversi lokalitajiet. Proġetti bħal dawn jinkludu l-aġġornament ta’ Ġnien Saver Zarb, f’San Ġiljan, uffiċċji amministrattivi ġodda tal-Kunsill Lokali ta’ Ħ’Attard, ir-restawr ta’ diversi niċeċ ta’ toroq storiċi madwar Tas-Sliema, u r-rikostruzzjoni tal-Mitħna tal-Għaqba fin-Naxxar.

Sport