Friday, November 22, 2024

Sqallija tapprova l-proġett tat-tieni interconnector… jonqos biss l-aħħar approvazzjoni ta’ Ruma

Aqra wkoll

Ir-Reġjun ta’ Sqallija ta l-approvazjoni lil Malta biex tiżviluppa t-tieni interconnector (IC2), li se jsaħħaħ l-interkonnessjoni ta’ Malta mal-Ewropa.

Din l-approvazzjoni formali, magħrufa bħala l-“Intesa Finale”, tikkostitwixxi mument importanti għall-implimentazzjoni tal-IC2. L-aħħar pass li jifdal fil-proċess tal-applikazzjoni Taljana huwa l-awtorizzazzjoni finali tal-Ministeru għall-Ambjent u s-Sigurtà Enerġetika (MASE). Kmieni din is-sena, il-MASE temmet proċess ta’ konsultazzjoni b’riżultat pożittiv.

Il-Ministru għall-Enerġija Dr. Miriam Dalli esprimiet il-gratitudni tagħha lill-President tar-Reġjun ta’ Sqallija, Dott. Renato Schifani, għal kollaborazzjoni kontinwa tar-reġjun. “It-tieni interconnector huwa proġett kruċjali biex titwettaq l-viżjoni tagħna fl-enerġija, immirata li toffri sostenibbiltà billi naraw li nżidu l- enerġija rinnovabbli sabiex nilħqu l-ambizzjonijiet ta’ dekarbonizzazzjoni li għandu l-pajjiż,” qalet il-Ministru Dalli.

Dan it-tieni cable ser ikollu tul komplessiv ta 122 kilometru, inkluż cable f’qiegħ il-baħar b’tul ta’ 99 kilometru, u ser jittrasmetti kurrent alternat b’vultaġġ għoli. Permezz ta’ dan il-proġett, ser tirdoppja l-interkonnessjoni tal-elettriku u l-kapaċita ta’ Malta mal-Ewropa.

Filwaqt li għaddej il-proċess tal-permessi fl-Italja, Interconnect Malta (ICM) ukoll ħadmet attivament fuq il-proċessi tal-offerti għall-kuntratti varji tal-inginerija, x-xiri tal-materjal, l-kostruzzjoni u servizzi anċillari biex il-proġett IC2 isir realtà. Il-ġimgħa l-oħra, ġiet ippubblikata il-Prior Information Notice (PIN) għall-manifattura u l-installazzjoni, inkluż xogħlijiet ċivili, ta’ shunt reactor ta’ kapaċita li tvarja bejn 50-120MVAr għall-Magħtab Terminal Station ġewwa Malta, liema proġett ser jagħmel parti integrali mill-infrastruttura ġenerali tal-IC2.

Waqt li ikkumenta fuq dan it-tragward, is-CEO ta’ ICM, Inġ. Ismail D’Amato, qal: “Dan ir-riżultat pożittiv iwassalna aktar viċin biex niksbu l-permess finali għall-iżvilupp fl-Italja. Il-permess hu wieħed mill-fatturi ewlenin li jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-IC2, biex il-proġett ikun jista’ jidħol fi stadju ta’ realizzazzjoni. B’hekk qegħdin eqreb li nikkonsolidaw ix-xogħol kollu li sar minn meta nbeda l-proġett.”

IC2 qed jiġi kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali 2021-2027.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport