Wednesday, December 25, 2024

STABBILTÀ

Aqra wkoll

Mhumiex konvinċenti l-argumenti tal-Kamra tal-Kummerċ li l-programm tal-gvern għat-trażżin tal-prezzijiet, Stabbiltà, ma kellu l-ebda effett. Veru li jekk tħares lejn kif żvolġiet in-nisġa tal-prezzijiet internazzjonalment fl-aħħar xhur xorta waħda suppost li l-għoli tal-ħajja kien jonqos “waħdu”. Il-bużillis qiegħed fis-suppost. 

Kien ikun hemm l-istess riżultat mingħajr Stabbiltà, intqal. Biss, wisq ta’ spiss l-addattamenti ekonomiċi f’pajjiżna ma jsegwux it-tendenzi Ewropej. Għal dan jaħti ċ-ċokon tal-gżejjer, imma jaħtu wkoll ta’ spiss arranġamenti moħbija jew le bejn l-operaturi ekonomiċi.

Did-darba, l-eżistenza tal-programm Stabbiltà serviet ta’ ankra biex ma jħallix il-prezzijiet jinsaqu ’l quddiem minn kurrenti moħbija anke waqt li internazzjonalment il-baħar tal-prezzijiet ikkalma. 

Naturalment il-Kamra tal-Kummerċ għandha interess vestit biex tiċħad dil-ħaġa. Għaliha l-argument jibqa’ li is-suq isuq. Imma mhux dejjem, mhux biss.

L-GĦANIJIET TAL-ISPORT

Ili d-deċennji nisma’ argumenti dwar x’għandhom ikunu l-għanijiet fil-politika nazzjonali dwar l-isport. Emfażi fuq suċċess internazzjonali billi niffokaw fuq l-isportivi elite li b’taħriġ intensiv jistgħu jaqtgħu figura internazzjonalment?

Jew konċentrament ta’ riżorsi fuq edukazzjoni u taħriġ sportiv għall-kotra, indipendentement minn kull ħsieb ta’ rebħ kompetittiv, u dan biex titjieb is-saħħa u l-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini?

Qatt ma jkun ċar kif qed jiġu deċiżi dawn il-mistqosijiet. Jista’ jkun li qatt ma ġew deċiżi tabilħaqq. Li forsi jispjega l-fatt għaliex la f’qasam u lanqas fl-ieħor ma nistgħu ngħidu b’onestà, li fuq bażi umana, rajna xi progres reali. Dwar titjib ta’ faċilitajiet fiżiċi iva. 

Dwar l-impatt fuq is-saħħa taċ-ċittadini, l-aktar stampa ċara tatulna dan l-aħħar, l-istatistika Ewropea dwar l-obesità. Minnha ħareġ li pajjiżna jispikka fuq kważi l-oħrajn kollha fl-obesità ġenerali taċ-ċittadini tiegħu.

FEHMA

Qed issir inkwetanti l-fehma li għadha tinfirex li m’hemmx biżżejjed integrità fil-governanza tal-pajjiż. Ir-raġunijiet li tisma’ għal dan huma varji u jiddependu ħafna mil-pożizzjoni politika ta’ min jagħmilhom.

Li hemm strateġija konxja ta’ gruppi ta’ nies biex jifirxu l-fehma hi ħaġa ċara. Li din l-istrateġija tinkludi esaġerazzjonijiet, taħwid ta’ fatti u għajdut, fost elementi oħra, hu wkoll ċar.

Imma l-fehma qed tinfirex fost nies li mhumiex ta’ subgħajhom f’ħalqhom. Li mhumiex Nazzjonalisti tal-qalba. Uħud minnhom jappoġġjaw il-gvern Laburista mhux għax iridu jirkbu sakemm qed imexxi l-partit tagħhom, imma b’mod ġenwin. Filfatt dawn tal-aħħar huma fost l-aktar inwketati.

Il-gvern jagħmel ħażin jekk jinjora dan li jinsab għaddej – jekk sempliċement iwaħħal fl-avversarji tiegħu għax qed iħarrfu. Hemm mod wieħed kif jilqa’ effettivament għal dit-theddida. Billi kontra kull abbuż li jinkixef, jittieħdu passi qawwija ta’ kontroll u trażżin li jitwasslu sal-aħħar.

Ekonomija

Sport