Wednesday, July 24, 2024

Stat tal-emerġenza fl-Ekwador wara li baruni tad-droga ħarab mill-ħabs

Aqra wkoll

Fl-Ekwador kien iddikjarat stat ta’ emerġenza wara li wieħed mill-barunijiet ewlenin tad-droga rnexxielu jaħrab mill-ħabs. 

Adolfo Macias – magħruf aħjar bħala Tito – kien irrapportat nieqes miċ-ċella tiegħu l-Ħadd. 

Il-Prosekuturi fl-Ekwador imbagħad ippreżentaw akkużi kontra żewġ uffiċjali tal-ħabs bħala parti mill-investigazzjoni dwar l-allegata ħarba ta’ Macias. 

Il-kap tal-gang Los Choneros kien qiegħed iservi sentenza ta’ 34 sena priġunerija fil-ħabs ta’ La Regional b’rabta ma’ traffikar ta’ droga u qtil. 

Qed ikun irrapportat li l-ħarba tiegħu seħħet fl-istess jum li huwa kellu jiġi trasferit f’faċilità oħra b’sigurtà stretta fil-belt ta’ Guayaquil. 

Il-President Daniel Noboa ddikjara stat ta’ emerġenza, li se jippermetti lill-awtoritajiet jissospendu d-drittijiet taċ-ċittadini u jibagħtu lill-militar fil-ħabsijiet. Din id-deċiżjoni se tibqa’ fis-seħħ għal 60 jum, b’Noboa jgħid li se jiġġieled il-kriminalità ġewwa l-ħabsijiet u mhux se jieqaf sakemm “iġib lura l-paċi fost l-Ekwadorjani kollha”.

Lura fl-2013, Macias kien ukoll ħarab minn ħabs b’sigurtà massima iżda nqabad ftit tal-ġimgħat wara. Il-Pulizija qed jinvestigaw jekk din l-aħħar ħarba tiegħu kinitx bħal dik li seħħet 11-il sena ilu. 

Los Choneros huwa wieħed mill-gangs li l-awtoritajiet iqisu bħala responsabbli għal żieda fil-vjolenza li laħqet livelli ġodda s-sena l-oħra bil-qtil tal-kandidat presidenzjali Fernando Villavicencio.

Ekonomija

Sport