Tuesday, May 14, 2024

Steve Bruce jaċċetta li jingħaqad ma’ West Brom

Aqra wkoll

West Bromwich Albion ħabbru li Steve Bruce aċċetta li jsir il-manager il-ġdid tal-club b’kuntratt ta’ 18-il xahar.

L-Erbgħa wara nofsinhar, il-Baggies żvelaw li kienu neħħew lil Valerien Ismael, li kien rebaħ biss 12 mill-31 logħba tiegħu fit-tmexxija tal-club wara li ngħata kuntratt ta’ erba’ snin.

Madankollu, West Brom aġixxew malajr biex akkwistaw lil Bruce bħala s-sostitut tiegħu, bil-manager ta’ 61 sena jieħu l-ewwel rwol tiegħu ta’ coach minn meta telaq lil Newcastle United aktar kmieni dan l-istaġun.

Bruce tkellem mas-sit elettroniku uffiċjali tal-club fejn qal li: “Ninsab ferħan li għandi l-opportunità li mmexxi club li għandu storja u tradizzjoni daqshekk kbira. Huwa club li ovvjament naf sew minn żmieni fil-Midlands, u diġà qed nieħu gost bl-isfida tal-club li nwasslu ‘l quddiem.”

“Ma kontx nipprevedi li se nirritorna fit-tmexxija ta’ club hekk malajr, iżda ladarba ġejt ikkuntattjat minn Ron Gourlay, kont naf li ma stajtx nirreżisti l-isfida li nġib lil dan il-club lura fejn tabilħaqq ħaqqu!

“Qed nidħol b’għan wieħed u dan hu li nwassal lil Albion fil-Premier League.”

West Brom, li jinsabu fis-sitt pożizzjoni fil-klassifika taċ-Championship, imisshom li jkunu fl-azzjoni meta jiffaċċjaw lil Sheffield United fid-9 ta’ Frar.

Sport