Saturday, May 4, 2024

STĦARRIĠ: IL-PL B’DISTAKK TA’ 16.5% FUQ IL-PN

Aqra wkoll

Tmien xhur wara l-elezzjoni ġenerali, il-polz tal-elettorat qed juri li d-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista huwa ta’ 16.5% favur il-Partit Laburista. Dan jirriżulta mill-ewwel stħarriġ ikkummissjonat mit-TORĊA wara l-Elezzjoni Ġenerali li saret f’Marzu ta’ din is-sena. L-istħarriġ sar mill-istatistiku Dott. Vincent Marmarà u sar bejn l-20 u s-26 t’Ottubru b’kampjun ta’ 800 persuna.

Ir-riżultat ta’ dan l-istħarriġ jpoġġi distakk ta’ madwar 42,000 vot favur il-Partit Laburista, anke jekk wieħed jassumi li f’każ ta’ elezzjoni ġenerali għada t-turn out ikun aktar baxx mill-elezzjoni ġenerali li għaddiet. 

Li kieku kellha ssir elezzjoni ġenerali għada, il-Partit Laburista jikseb 54.8% tal-fiduċja tal-elettorat, waqt li l-Partit Nazzjonalista jikseb 38.3%. Partiti oħra għandhom l-appoġġ ta’ 6.9% tal-elettorat. 

L-istatistiku spjega li bħalissa d-distakk bejn il-partiti l-kbar huwa ta’ madwar 16.5%, żieda ta’ madwar 3% fuq l-aħħar elezzjoni ġenerali. Spjega li ż-żewġ partiti naqsu l-voti, iżda l-Partit Nazzjonalista naqqas aktar voti mill-Partit Laburista u b’hekk id-distakk żdied bejn il-partiti. “Huwa ċar li t-tnaqqis tal-vot fost il-votanti tal-Partit Nazzjonalista huwa wieħed sostanzjali. Jidher biċ-ċar ukoll li l-Partit Nazzjonalista qiegħed jitlef numru ta’ voti li qegħdin imorru fuq partiti oħrajn, u mhux fuq il-Partit Laburista,” qal Dott. Marmarà.

Meta mistoqsi jispjega kif ix-xjenza tal-istatisika twassalna għal dan ir-riżultat, huwa qal li meta wieħed japplika mudell xjentifiku fuq dawk li jirriflettu li jwieġbu jew jinsabu indeċiżi, wieħed ikun jista’ jsib sostituzzjoni xjentifika għal dan il-grupp ta’ nies. Żied jgħid li dan il-metodu jissejjaħ Multiple Imputation Technique u b’hekk wieħed jipprova joħroġ ir-riżultat finali ta’ dak li jista’ jseħħ.

Meta r-riżultat ta’ dan l-isħarriġ jitqabbel mar-riżultat tal-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu li għadda, wieħed jinnota tnaqqis ta’ 0.3% għall-Partit Laburista, tnaqqis ta’ 3.4% għall-Partit Nazzjonalista u żieda ta’ 3.7% għall-partiti oħrajn.

Sport