Thursday, July 2, 2026

Se tittella’ l-14-il edizzjoni ta’ Ħondoq by Night, avveniment annwali sinonimu mas-sajf f’Għawdex

Aqra wkoll

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li għal sena oħra se jerġa’ jittella’ Ħondoq by Night, wieħed mill-aktar avvenimenti mistennija fis-sajf f’Għawdex, li din is-sena se jiġi organizzat għall-14-il darba. Ħondoq by Night se jittella’ nhar il-Ġimgħa 3 ta’ Lulju mid-9pm ’l quddiem.

Il-Ministru Clint Camilleri qal li, “Ħondoq by Night sar appuntament importanti fil-kalendarju kulturali u ta’ divertiment f’Għawdex. Il-fatt li din is-sena qed niċċelebraw l-14-il edizzjoni huwa xhieda tas-suċċess u l-popolarità li kiseb matul is-snin. Bħala ministeru nibqgħu ninvestu f’attivitajiet ta’ kwalità li mhux biss joffru esperjenzi mill-isbaħ lill-familji u liż-żgħażagħ iżda wkoll, ikomplu jsaħħu t-turiżmu f’Għawdex matul is-sena kollha”.

L-attività se tittrasforma l-bajja pittoreska ta’ Ħondoq ir-Rummien f’xena spettakolari ta’ divertiment fil-beraħ, fejn il-mużika, id-dwal u l-atmosfera unika tal-post se jingħaqdu biex joħolqu lejl memorabbli għal dawk kollha li jattendu.

L-edizzjoni ta’ din is-sena se tinkludi divertiment mużikali minn Cash & Band u Ryan Spiteri, flimkien ma’ diversi artisti oħra li se jwasslu repertorju varjat.

Il-Ministru Camilleri żied li avvenimenti bħal dawn ikomplu jagħtu ħajja lil-lokalitajiet Għawdxin u joħolqu opportunitajiet ekonomiċi għan-negozji lokali, filwaqt li jkomplu jsaħħu l-identità ta’ Għawdex bħala destinazzjoni vibranti u attraenti għal kull età.

Il-Ministru Clint Camilleri temm billi stieden lill-pubbliku jattendi għal din l-edizzjoni ta’ Ħondoq by Night u jgawdi minn lejl mimli mużika, divertiment u atmosfera unika f’wieħed mill-isbaħ postijiet naturali ta’ Għawdex.

Ħondoq by Night qed jittella’ grazzi għall-kollaborazzjoni bejn il-Ministeru għal Għawdex, il-Kunsill Lokali tal-Qala u Qala Saints.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport