Mogħtija l-warrants lil 22 nutar ġdid.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima ppreżenta l-warrants lil 22 nutar ġdid warali dawn urew il-kompetenza tagħhom li jeżerċitaw il-professjoni notarili.
“Illum qegħdin hawn għal ċerimonja speċjali, mhux biss għalikom imma għas-soċjetà kollha. Qed tirċievu l-warrant wara snin ta’ dedikazzjoni, studju u sagrifiċċji, għaliex fl-aħħar snin rajna din il-professjoni tiżdied fl-importanza tagħha, imma wkoll żdiedet ir-responsabilità għalikom. Illum din il-professjoni tinħtieġ preparazzjoni akkademika, ġuridika u fiskali tajba u għalhekk illum qed naraw il-qofol tal-ħidma akkademika tagħkom,” qal il-Ministru Grima.
Il-Ministru Grima tkellem dwar it-teknoloġija li qed tittrasforma l-mod li d-dinja qed topera. “Nemmen fl-innovazzjoni f’dan is-settur għaliex in-nutar modern irid ikun effiċjenti, u jaħdem b’aġilità u b’viżjoni. Għalhekk ibqgħu aġġornati mal-liġijiet il-ġodda u s-sistemi diġitali. Kunu parti mill-bidla biex nagħtu servizz aħjar liċ-ċittadin”, qal il-Ministru Grima. Huwa rrefera wkoll għad-djalogu tajjeb li hemm mal-Kunsill Notarili, fosthom bil-għan li jitkompla it-tisħiħ tal-professjoni, kemm minn aspett infrastrutturali kif ukoll mill-att leġiżlattiv.

Fil-messaġġ tiegħu, in-Nutar tal-Gvern Dr Keith German qal li bl-inklużjoni ta’ dawn in-nutara, in-numru ta’ nutara prattikanti f’pajjiżna huwa ta’ 399 li minnhom 257 huma nisa u 142 huma rġiel, filwaqt li n-numru ta’ nutara mis-sena 1465 sal-lum ilaħħaq madwar 1322 nutar.
Fid-diskors tagħha, il-President tal-Kunsill Nutarili Dr Graziella Agius Farrugia saħqet fuq l-importanza li n-nutara ġodda ma jmorrux lil hinn minn dak li hu permess fil-liġi minkejja dak li jistgħu jitolbu l-klijenti.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti tal-Ministeru Johan Galea u
rappreżentanti tal-Kunsill Nutarili.


