Konfermati wkoll fil-kariga ż-żewġ Deputati Mexxejja Ian Borg u Alex Agius Saliba
Id-delegati kkonfermaw b’maġġoranza qawwija lill-Prim Ministru Robert Abela fil-kariga ta’ Mexxej tal-Partit Laburista, bil-vot ta’ konferma li sar fil-Konferenza Ġenerali Straordinarja tal-Partit Laburista.
Dan wara li f’dawn il-jiem, id-delegati vvutaw għall-konferma tat-tmexxija tal-partit, f’Konferenza Ġenerali li bdiet tiltaqa’ lbieraħ. Anke ż-żewġ Deputati Mexxejja ġew ikkonfermati fil-karigi rispettivi tagħhom, jiġifieri Ian Borg bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament u Alex Agius Saliba bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.

B’dan il-vot ta’ konferma, kif jistipula l-istatut tal-partit, id-delegati qed jirrikonoxxu l-ħidma mit-tmexxija tal-Partit Laburista biex baqa’ l-ikbar forza politika għar-raba’ mandat konsekuttiv u storiku għal pajjiżna.
F’kummenti wara r-riżultat, il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela rringrazzja lid-delegati tal-Partit Laburista għall-fiduċja qawwija li wrew fih u fit-tmexxija tal-partit. Huwa qal li dan ir-riżultat huwa rikonoxximent tal-ħidma li saret flimkien matul l-aħħar snin u jkompli jsaħħaħ ir-responsabbiltà tal-partit biex iwettaq il-wegħdiet tiegħu lill-poplu.
Dr Abela sostna li l-konferma qawwija mogħtija mid-delegati tagħti motivazzjoni u determinazzjoni ġdida lill-Gvern u lill-Partit Laburista biex ikomplu jaħdmu b’ritmu qawwi favur il-familji u n-negozji Maltin.
Il-Konferenza Ġenerali, bit-tema ‘INT Malta: Il-Ħolma tiegħek, il-Proġett tagħna’ tagħlaq għada bid-diskors tal-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela, iż-żewġ Deputati Mexxejja Ian Borg u Alex Agius Saliba, kif ukoll tal-President Alex Sciberras.


