Wednesday, July 1, 2026

Yorgen Fenech iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih

Aqra wkoll

Beda l-ġuri ta’ Yorgen Fenech, li jinsab akkużat b’kompliċità fil-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia, delitt li seħħ fis-16 ta’ Ottubru 2017 fil-Bidnija.
Id-difiża qajmet tħassib dwar il-live blog li qed isegwi l-andament tal-ġuri. L-avukati tad-difiża argumentaw li xhieda li għad iridu jixhdu jistgħu jsegwu dak li jkun qed jiġi rrappurtat u b’hekk ikunu jafu x’qed jingħad fil-Qorti qabel jagħtu x-xhieda tagħhom.


Għalhekk, id-difiża talbet lill-Qorti sabiex ċerti xhieda jinstemgħu bil-bibien magħluqa, minħabba n-natura sensittiva tax-xhieda tagħhom u sabiex tiġi mħarsa l-integrità tal-proċeduri. Min-naħa tiegħu, l-Imħallef irrimarka li, sa fejn ikun possibbli, il-Qorti tipprova tevita li l-proċeduri jsiru bil-bibien magħluqa.


Wara li tlestew il-proċeduri preliminari fil-Qorti Kriminali, il-15 -il ġurat daħlu fl-awla u nqara l-Att ta’ Akkuża quddiemhom. Fenech wieġeb mhux ħati taż-żewġ akkużi miġjuba kontrih.


L-ewwel akkuża hija dik ta’ kompliċità fl-omiċidju volontarju ta’ Daphne Caruana Galizia, filwaqt li t-tieni akkuża hija li assoċja ruħu ma’ persuna jew persuni oħra sabiex jitwettaq delitt li għalih hemm piena ta’ priġunerija, jiġifieri l-qtil tal-ġurnalista.


Fl-ewwel kap tal-Att ta’ Akkuża, l-Avukat Ġenerali tallega li l-pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia beda f’April tal-2017, meta Yorgen Fenech allegatament talab lil Melvin Theuma jsib persuni li jkunu lesti jwettqu l-qtil. Skont il-prosekuzzjoni, Theuma mbagħad għamel kuntatt ma’ Alfred Degiorgio, li allegatament qabel, flimkien ma’ ħuh George Degiorgio u Vincent Muscat, iwettaq id-delitt għal €150,000. Minn dan l-ammont, €30,000 allegatament tħallsu bħala depożitu bil-quddiem, filwaqt li l-bilanċ ta’ €120,000 kellu jitħallas wara li jitwettaq il-qtil.


L-Att ta’ Akkuża jgħid li wara li tħabbret l-elezzjoni ġenerali tal-2017, il-pjan allegatament tpoġġa temporanjament “on hold”. Wara l-elezzjoni, il-prosekuzzjoni tallega li Fenech għadda €150,000 fi flus kontanti lil Theuma biex jitħallas il-qtil.

Tgħid ukoll li, hekk kif għaddew ix-xhur, Fenech allegatament beda jagħmel pressjoni fuq Theuma sabiex il-qtil jitwettaq mill-aktar fis, għax kien jemmen li Daphne Caruana Galizia kienet se tippubblika informazzjoni dwaru.


Skont l-Att ta’ Akkuża, l-allegati eżekuturi osservaw il-movimenti tal-ġurnalista u fil-lejl ta’ bejn il-15 u s-16 ta’ Ottubru 2017 allegatament poġġew bomba taħt is-seat tas-sewwieq tal-vettura tagħha. Il-prosekuzzjoni tgħid li l-bomba ġiet attivata permezz ta’ SMS fis-2.58.55pm tas-16 ta’ Ottubru, ftit wara li Caruana Galizia telqet minn darha fil-Bidnija.

Tkompli tallega li ftit jiem wara l-qtil tħallas ukoll il-bilanċ ta’ €120,000, flimkien ma’ €5,000 oħra allegatament mitluba għall-ispejjeż li qalu li ġarrbu waqt il-preparamenti tad-delitt.


Fit-tieni kap tal-Att ta’ Akkuża, Fenech huwa akkużat li assoċja ruħu ma’ persuna jew persuni oħra bil-għan li jitwettaq delitt f’Malta, jiġifieri l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Dan il-kap huwa bbażat fuq l-istess fatti deskritti fl-ewwel akkuża u ma jżidx allegazzjonijiet ġodda.


Il-każ ħa żvolta importanti f’Novembru tal-2019 meta Melvin Theuma ngħata maħfra presidenzjali biex jikxef dak li kien jaf dwar il-qtil. Ftit jiem wara, Fenech ġie arrestat mill-Forzi Armati ta’ Malta abbord il-jott tiegħu hekk kif allegatament kien qed jipprova jitlaq minn Malta kmieni filgħodu..


Huwa baqa’ taħt arrest preventiv għal aktar minn ħames snin, sakemm fl-24 ta’ Jannar 2025 il-Qorti tatu l-ħelsien mill-arrest taħt kundizzjonijiet stretti. Fost il-kundizzjonijiet imposti kien hemm depożitu ta’ €80,000 u garanzija personali ta’ €120,000, filwaqt li qariba tiegħu pprovdiet ukoll garanzija finanzjarja permezz ta’ ishma fil-Grupp Tumas.


Matul is-snin li għaddew saru diversi proċeduri preliminari, fosthom il-kumpilazzjoni tal-provi u għadd ta’ rikorsi kostituzzjonali mressqa mid-difiża. Fl-2024 il-Qorti Kriminali ddeċidiet li kien hemm biżżejjed provi prima facie biex Fenech jitqiegħed ġuri.


Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati tal-AG Godwin Cini, Anthony Vella, u Danika Vella, bl-Assistent Kummissarju Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra. Id-difiża hija mmexxija mill-avukat Charles Mercieca flimkien ma’ Gianluca Caruana Curran. Għall-familja Caruana Galizia qed jidhru l-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi. L-Imħallef Edwina Grima qed tippresjedi l-ġurija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport