Monday, April 29, 2024

Studenti jispiċċaw ħażin wara li ngħataw kimika tal-art minflok ħalib fi skola fl-Alaska

Aqra wkoll

12-il student fi skola li tilqa’ fiha studenti bejn il-ħames snin u t-12-il sena f’Juneau fl-Alaska spiċċaw ma jifilħux wara li xorbu likwidu tossiku minflok ħalib.

L-istudenti kienu waqt programm tas-sajf meta ngħataw dan il-likwidu li jintuża għall-art minflok ħalib, f’dak li l-iskola ddeskriviet bħala żball. Meta xorbu l-likwidu, l-istudenti lmentaw li l-ħalib kien qiegħed jaħarċilhom ħalqhom u griżmejhom. Minnufih dawk li kienu qegħdin jieħdu ħsiebhom intebħu bl-iżball wara li qraw it-tikketti fuq il-fliexken.

Huma avżaw lill-ġenituri b’dak li kien ġara u tlieta mill-istudenti kellhom jittieħdu għal osservazzjoni medika.

L-amministrazzjoni tal-iskola pruvat tiġġustifika l-iżball billi qalet li l-fliexken tal-kimika tal-art kienu identiċi għal dawk tal-ħalib u li l-iskola taħżen dawn iż-żewġ materjali fi kwantitajiet kbar tant li mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li huma spiċċaw qabdu pallet b’oħra meta ġew biex iservu lill-istudenti. Barra minn hekk, jidher li din il-kimika m’għandhiex riħa partikolari u b’hekk skont l-amministrazzjoni kienet aktar faċli li jsir dan l-iżball.

Sport