Wednesday, April 24, 2024

Studenti tas-sitt sena se jirċievu pencil case magħmul minn prodotti sostenibbli

Aqra wkoll

Aktar minn 4,000 student u studenta li jattendu s-sitt sena se jirċievu pencil case magħmul minn prodotti sostenibbli. Il-pencil case se jitqassam fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex, inklużi dawk pubbliċi, privati u tal-Knisja.

Flimkien mal-pencil case se jitqassmu seed paper u ktieb miktub minn Trevor Zahra dwar l-iżvilupp sostenibbli, li jkompli jżid l-għarfien fost l-istudenti. L-istationery huma magħmula minn prodotti riċiklati u sostenibbli filwaqt li s-seed paper hi magħmula minn karta riċiklata.

Waqt żjara lil studenti tas-sitt sena, il-Ministri Justyne Caruana u Miriam Dalli ppreżentaw dan il-materjal bil-għan li jissaħħaħ l-għarfien dwar il-prodotti sostenibbli. 

“Qed nieħdu inizjattivi differenti biex inħeġġu lit-tfal tagħna jagħmlu għażliet sostenibbli għax nemmnu li bidla fil-mentalità u fil-kultura trid tinkludi lit-tfal tagħna. It-tfal tal-lum mhumiex biss il-mexxejja ta’ għada imma jistgħu jgħinu jwasslu għal bidla anke fid-djar tagħhom illum stess,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

Min-naħa tagħha, il-Ministru Justyne Caruana tkellmet dwar l-importanza ta’ edukazzjoni ħolistika. “Aħna qed nagħmlu l-parti tagħna biex naraw li fl-iskejjel noħolqu spazji ħodor. L-iskejjel ġodda u dawk li qed nirranġaw qed naraw li jkollhom infrastruttura li tirrispetta l-ambjent. Imma huwa importanti li nrawmu lit-tfal minn età żgħira biex flimkien mal-edukaturi nkomplu nippromwovu l-iżvilupp sostenibbli”.

Sport