Sunday, December 22, 2024

Summer School u Bootcamps dwar teknoloġija innovattiva matul is-sajf

Aqra wkoll

Matul is-sajf li ġej se jerġgħu jiġu organizzati żewġ summer schools u żewġ bootcamps fejn l-istudenti se jkunu qegħdin jitgħallmu b’mod interattiv prinċipji importanti fit-teknoloġija innovattiva.

Is-Summer School “Future Innovators” se ssir fl-MCAST f’Raħal Ġdid bejn Lulju u Settembru għall-istudenti ta’ bejn id-disa’ sena u l-ħdax-il sena skolastika. Fost oħrajn se tgħin lill-istudenti fl-abbiltajiet tagħhom kreattivi fejn jidħlu intelliġenza artifiċjali u innovazzjoni diġitali u se jitgħallmu fost oħrajn fuq coding, blockchain, metaverse, 3D printing u cybersecurity. Se tkun organizzata wkoll il-“Future Innovators Summer School Plus”, li hija miftuħa biss għal min attenda l-“Future Innovators Summer School” tas-sena l-oħra.

Il-Bootcamps, “Tech Trek – A Teen Tech Adventure” u “xPloring Intelligence – a Bootcamp on Us and Tech”, se jsiru fil-Fakultà tal-ICT fl-Università ta’ Malta, f’Lulju u Settembru rispettivament, għall-istudenti ta’ bejn is-seba’ sena u t-tmien sena skolastika.

Dawn il-bootcamps se jkunu immirati biex iħajru lill-istudenti jagħżlu suġġetti relatati mat-teknoloġija u kif din tista’ tgħinna nilħqu l-miri tagħna.

Il-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi Silvio Schembri rringrazzja lill-MDIA, eSkills Malta Foundation u Tech.mt li ħadmu flimkien fuq dawn l-inizjattivi, kif ukoll lill-MCAST u l-Università ta’ Malta tal-kollaborazzjoni tagħhom.

“Fi żjarat li nagħmel b’mod regolari f’kumpaniji varji dejjem nisma’ l-istess problema, il-bżonn li jkollna aktar studenti, ħaddiema futuri mħarrġa f’suġġetti STEM. Dawn it-tip ta’ inizjattivi jgħinu biex inħajru lit-tfal tagħna jersqu aktar lejn dawn is-suġġetti fejn ikunu jistgħu jifhmu kif jaħdmu u fejn jistgħu jmorru b’dawn is-suġġetti fil-futur tagħhom,” qal il-Ministru Silvio Schembri.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ MDIA Kenneth Brincat qal, “Ir-rispons li kien hemm għall-ewwel edizzjoni tas-Summer School u l-Bootcamp wera kemm hawn interess kbir fuq it-teknoloġija innovattiva. Bħala Awtorità nemmnu li permezz ta’ kollaborazzjoni nistgħu nsibu modi ġodda kif it-tfal u żgħażagħ jitrawmu fl-użu tat-teknoloġija innovattiva b’mod sigur. Jibqa’ kruċjali li nibdew minn età bikrija fejn tidħol l-adozzjoni tat-teknoloġija għall-benefiċċju tas-soċjetà.”

Carmel Cachia, Amministratur Ewlieni tal-eSkills Malta Foundation, qal, “L-ebda pajjiż ma jista’ jmexxi b’suċċess mingħajr livell għoli ta’ ħiliet diġitali. Il-kompetenzi fit-Teknoloġiji Emerġenti saru essenzjali, u huwa ta’ importanza kbira li ż-żgħażagħ ikunu mgħammra b’dawn il-ħiliet biex jirnexxu fil-karriera tagħhom.” Huwa esprima s-sodisfazzjon tiegħu li l-kollaborazzjoni f’din l-inizjattiva mal-MDIA żdiedet iktar din is-sena.

Ekonomija

Sport