Sunday, December 22, 2024

Suppost kellha taħdem f’lukanda, iżda sabet ruħha f’burdell

Aqra wkoll

Waħda minn diversi nisa li allegatament ġew traffikati mill-Kolumbja lejn Malta biex taħdem fil-prostituzzjoni, irrakkontat fil-Qorti kif lilha kienu qalulha li x-xogħol tagħha kien se jkun f’lukanda iżda minflok sabet ruħha f’burdell.

Hija kienet waħda minn erba’ nisa li xehdu quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech hekk kif kompliet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra tmint irġiel u mara li qed jiġu mixlija bi traffikar uman, ħasil ta’ flus u involviment f’organizzazzjoni kriminali.

L-imputati huma Luke Farrugia ta’ 36 sena mill-Gżira, Clint D’Amato ta’ 36 sena mill-Gudja, Denzil Farrugia ta’ 19-il sena minn Tas-Sliema, Kane Vassallo ta’ 22 sena mis-Siġġiewi, Gordon Cassar ta’ 44 sena mill-Kalkara, Dylan McKay ta’ 30 sena mill-Fgura, Luca Corito ta’ 21 sena mill-Isla kif ukoll Nicolae Efimov ta’ 37 sena u Alexandra Pocora ta’ 32 sena, it-tnejn mir-Rumanija.

Fuq il-pedana tax-xhieda, il-mara identifikat lil D’Amato, li kienet tafu bħala “Andreas” u lil Farrugia bħala wieħed mill-klijenti tagħha li kienu jismu “Tyson”. Hija qalet li kienet preżenti fl-appartament meta Farrugia kien ħallas lil mara oħra Kolumbjana – li aktar tard telqet minn Malta – għas-sess.

Waħda min-nisa kienet xehdet f’inkjesta maġisterjali li ommha kienet irċeviet telefonati ta’ theddid – mill-Kolumbja u anke minn Malta – fejn ordnawlha tgħid lil bintha biex ma titkellimx mal-pulizija.

Fix-xhieda tagħha fil-Qorti, il-mara qalet li tfajla kienet marret għand ommha u qaltilha li ma kien se jiġri xejn lil bintha u li kienet se tieħu flusha lura, iżda kien importanti li ma titkellimx mal-pulizija. Ix-xhud qalet li ommha sussegwentement wissietha biex iżżomm ħalqha magħluq.

Minbarra li qatt ma tħallset għax-xogħol tagħha, ix-xhud qalet li kienet soġġetta għal abbuż verbali, u fakkret li kienet tiġi msejħa “prostituta li ġiet Malta biss biex tissodisfa lill-irġiel.”

Hija qalet ukoll li kienet imġiegħla temmen li kienet se tmur f’lukanda “iżda minflok spiċċajt tgħix f’burdell.”

Il-każ ikompli f’Settembru.

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi John Spiteri, Joseph Xerri u Dorianne Tabone flimkien mal-Avukati Ramon Bonett Sladden u Charmaine Abdilla mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Għall-imputati qed jidhru l-Avukati Franco Debono, Marion Camilleri, Adreana Zammit, Mario Mifsud, Nicholas Mifsud, Charles Mercieca, Roberto Montalto, Joe Giglio, Michaela Giglio u Kathleen Calleja Grima filwaqt li għall-vittmi qed tidher l-Avukat Lara Dimitrijevic.

Ekonomija

Sport