Friday, April 19, 2024

SUSSIDJI

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

Is-sussidji għandhom fama ħażina. Jitqiesu bħala mod kif fondi tal-istat jintużaw biex iżommu għaddejja operati ineffiċjenti li jaqdu l-interessi ta’ ftit nies għad-dannu tal-interess komuni. Fl-Unjoni Ewropea, uffiċċji sħaħ jinsabu għaddejja l-ħin kollu għall-kaċċa ta’ sussidji li jintqal, ifixklu t-tħaddim bilanċjat tas-suq intern komuni. 

Veru: bħala għodda ta’ politika ekonomika u soċjali, s-sussidji jafu jispiċċaw perikolużi. Jistgħu jaħarbu mill-kontroll tal-gvern u joħolqu lobbies politiċi b’saħħa biżżejjed biex jirrikattawh.

Imma nistgħu nħallu kollox jimxi ’l-quddiem biss skont il-prinċipji tas-suq ħieles? Hemm ħidmiet produttivi meħtieġa għall-aqwa ġid tal-komunità li — jekk jitmexxew skont is-suq ħieles — isiru l-monopolju ta’ ftit ipprivileġġjati jew ma jkunux vijabbli u jitwaqqfu.

Barra minn hekk, sussidji jistgħu jservu biex jagħtu rankatura lil attivitajiet meħtieġa u mixtieqa, li wara ftit taż-żmien, ikunu jistgħu jitmexxew b’modi kummerċjali “normali”. 

Madankollu xorta jibqa’ minnu li s-sussidji jridu jiġu amministrati b’kawtela.

L-GĦOLI TAL-ĦAJJA

Mal-Ewropa kollha, l-għoli tal-ħajja sar l-aktar suġġett li jqanqal inkwiet, anke aktar mill-Covid-19. Ilha ma tiġri dil-ħaġa. Għall-bidu, meta l-prezzijiet bdew itektku, kulħadd baqa’ lura milli jirrikonoxxi li tassew kien qed jinbidel ix-xenarju. L-istabbiliment politiku u ekonomiku qal b’fiduċja li l-inflazzjoni kienet ta’ ftit żmien. 

  Kienet ikkawżata mit-taħwid li ġabet il-pandemija (qalu), meta ħarbtet il-mod kif prodotti u partijiet minnhom jinħadmu f’diversi inħawi tad-dinja u kif jiġu mwassla bejn il-kontinenti. Sakemm id-domanda għall-prodotti u s-servizzi ma tiċkienx ħesrem (li ma kienx jidher li se jiġri), la kienet se titfaċċa kriżi ta’ ekonomiji li jiċkienu, u wisq anqas l-inflazzjoni.

Ma jidhirx li dal-pronostku kien korrett.

IL-LIBJA

Il-problema tal-Libja għadha magħna. Jew aħjar ngħidu, għadha mal-poplu ta’ dak il-pajjiż? L-elezzjoni li kellha ssir f’Diċembru, għadha mdendla, u kif! L-instabbiltà politika u ta’ sigurtà se tkompli therri s-sisien tan-nazzjon Libjan u thedded l-integrità tiegħu.

Suppost hi ħaġa ċara li t-tentattivi li saru fl-aħħar snin biex joħolqu qafas li fih dak li tkisser matul il-gwerra ċivili jerġa’ jissewwa ma tawx frott. Il-mistoqsija ssir: wasalx iż-żmien għall-għażla ta’ triq differenti lejn il-paċi?

Problema f’dan kollu hi l-indħil ta’ potenzi barranin fil-ħajja tal-Libjani. Nibdew mill-bidu nett bil-Brittaniċi u l-Franċiżi, sal-logħbiet milgħuba mill-Eġizzjani, it-Torok, l-Amerikani, l-Għarab tal-Golf u r-Russi. Kollha bil-miri tagħhom għal kif iżommu sodi l-ankri li rabtu mal-Libja. Qabel ma’ dawn l-ankri jinqalgħu, l-interessi tal-poplu Libjan ma jistgħux jiġu salvagwardjati. Sfortunatament, minkejja kull ma jgħidu, l-potenzi kollha konċentrati se jqisu l-ewwel kif jistgħu jsostnu l-interessi tagħhom fil-logħba Libjana, mhux kif se jaqilgħuhom.

Sport