Sunday, December 22, 2024

Tammetti li serqet kartiera ta’ xufier tat-taxi li wassalha

Aqra wkoll

Mara ta’ 44 sena ngħatat sentenza sospiża wara li ammettiet li serqet il-kartiera ta’ xufier tat-taxi.

Is-serqa seħħet nhar is-27 ta’ Diċembru li għadda meta Josette Stewart kienet qabdet taxi biex tmur lejn id-dar tagħha. 

Wara li x-xufier wassalha fil-post indikat, irrealizza li l-kartiera tiegħu kienet sparixxiet liema kartiera kien fiha €1,000. Huwa mar jagħmel rapport lill-pulizija u minn aktar investigazzjonijiet, ġie stabbilit li l-mara kienet suspettata li wettqet din is-serqa. 

Fl-istqarrija tagħha mal-pulizija, il-mara nsistiet li kulma kienet €50 iżda mbagħad qalet li kien hemm ħafna aktar flus.

Il-mara tressqet l-Erbgħa quddiem il-Maġistrat Victor George Axiak, u bid-dmugħ f’għajnejha wieġbet ħatja tal-akkuża ta’ serq miġjuba fil-konfront tagħha.

Fid-dawl tal-ammissjoni, il-Qorti kkundannatha sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin filwaqt li l-ħatja kienet ordnata sabiex tħallas lura l-ammont li serqet lill-vittma. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Alessia Schembri mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali megħjuna mill-Ispetturi Kurt Farrugia u Keith Rizzo. 

L-Avukat Martin Fenech deher għall-mara.

Ekonomija

Sport