Saturday, July 25, 2026
Home Sport Team Malta fil-Logħob tal-Commonwealth: L-Ewwel Jum ġewwa Glasgow

Team Malta fil-Logħob tal-Commonwealth: L-Ewwel Jum ġewwa Glasgow

0
2

“Diġà ksibtu xi ħaġa straordinarja billi qegħdin hawn. Ikkompetu b’ħeġġa, kunu ġenerużi fir-rebħa, dinjitużi fit-telfa u ilbsu l-kuluri tagħkom bi kburija.” — Dr Donald Rukare, President tal-Federazzjoni tal-Logħob tal-Commonwealth

Team Malta għamlet id-dħul tagħha fiċ-Ċerimonja tal-Ftuħ tal-Logħob tal-Commonwealth, immexxija mill-flag bearer  Connie Rixon (Lawn Bowls) u mill-baton bearer Nick Mercieca (Para Powerlifting).

Iċ-ċerimonja, li saret f’The Hydro, attendew għaliha r-Re Karlu u r-Reġina Camilla tal-Ingilterra flimkien ma’ diversi mistednin prominenti. Fil-kariga tiegħu bħala Kap tal-Commonwealth, ir-Re ddikjara uffiċjalment miftuħa t-23 edizzjoni tal-Logħob, li fiha qed jieħdu sehem aktar minn 3,000 atleta minn 74 nazzjon u territorju, f’10 dixxiplini sportivi u sitt dixxiplini Para.

Nhar il-Ġimgħa, 24 ta’ Lulju, Malta kkompetiet fil-Lawn Bowls, il-Para Powerlifting u l-Għawm.

Lawn Bowls

Kien jum b’riżultati mħallta għall-atleti tal-lawn bowls ta’ Team Malta. Shaun Parnis ta bidu eċċellentifis-Singles tal-Irġiel, meta kiseb rebħa konvinċenti f’żewġ sets kontra l-Kenja, 10–2, 9–4. Kienet prestazzjoni kalma u kunfidenti li rat lil Parnis itemm is-sessjoni ta’ filgħodu fil-quċċata tat-taqsima tiegħu.

Fil-Pairs tan-Nisa, Connie u Rebecca Rixon lagħbu kontra Amanda Steenkamp u Diana Viljoen tan-Namibja. Wara li tilfu l-ewwel set 4–5, huma wieġbu b’mod brillanti fit-tieni wieħed li ddominaw u rebħu b’skor ta’8–0, biex sfurzaw tie-break. Rebecca tefgħet l-aħħar bowl mill-aqwa u kienet qed iżżomm ix-shot rebbieħ, iżda l-iskip tan-Namibja, Viljoen, għamlet l-aħħar tefgħa eċċellenti biex daħlet eżatt ġewwa l-bowl ta’ Rebecca u ħatfet it-tie-break 1–0. Kienet telfa oħra dizappuntanti f’tie-break għall-Pairs tan-Nisa, wara li l-ġurnata ta’ qabel kienu tilfu l-ewwel logħba tagħhom kontra l-Indja bl-istess mod.

Aktar tard wara nofsinhar, Parnis lagħab kontra Izzat Shameer Dzulkeple tal-Malazja. Huwa tilef l-ewwel set 8–5, iżda ġġieled lura fit-tieni b’xi shots b’saħħithom, u fl-aħħar end spiċċa fi draw ta’ 6–6. Minkejja d-draw, ir-rebħa ngħatat lill-Malażja peress li kienet rebħet l-ewwel set.

Para Powerlifting

Nick Mercieca mmarka d-debutt tiegħu għal Malta fl-isport Para b’rekord personali ġdid fil-kategorija lightweight tal-Para Powerlifting tal-irġiel. Mercieca beda b’refgħa valida ta’ 112kg, qabel għadda għal 116kg u temm b’120kg — rekord personali li tejjeb il-114kg li kien irreġistra fil-Kampjonati Ewropej f’Mejju li għadda. L-aħħar refgħa tiegħu kisbitlu 92.5 punti u s-sitt post fi Grupp B.

Għawm

Sasha Gatt ikkompetiet fil-heats tal-400m freestyle. Hi rreġistrat ħin ta’ 4:19.72 u spiċċat fir-raba’ post fil-heat tagħha. Gatt tirritorna fl-azzjoni nhar it-Tlieta, 28 ta’ Lulju, għall-heats tat-800m freestyle.

Programm tas-Sibt, 25 ta’ Lulju

L-atleti tal-lawn bowls ta’ Team Malta jirritornaw fl-azzjoni nhar is-Sibt, 25 ta’ Lulju, bis-sorijiet Rixon jilagħbu kontra l-Ingilterra fil-Pairs tan-Nisa u Shaun Parnis jiltaqa’ mal-Kanada fis-Singles tal-Irġiel aktar tard wara nofsinhar.

Filgħodu, il-ġinnasti Philippa Busuttil, Lyana Curmi Inguanez u Sophie St. John se jikkompetu fis-Sir Chris Hoy Velodrome fil-kompetizzjonijiet All-Around u tat-Tim.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here