Tliet plejers Maltin kisbu posthom mat-timijiet nazzjonali ta’ Malta fil-kategoriji rispettivi tagħhom wara li ħarġu rebbieħa fil-finali tat-tournaments organizzati mill-Malta Blackball Pool Association.
Dawn il-kompetizzjonijiet kienu parti mit-tielet ranking tournament tal-kategorija tal-Irġiel għall-kwalifikazzjoni għat-Tazza tad-Dinja tal-Blackball ta’ din is-sena, li se ssir f’Londra, l-Ingilterra. Il-punti miksuba matul dawn il-kompetizzjonijiet għandhom rwol importanti biex jiġu magħżula l-plejers li se jkollhom l-unur jirrappreżentaw lil Malta f’dan l-avveniment internazzjonali prestiġjuż.
Fil-kategorija tal-Irġiel, Clayton Castaldi kiseb rebħa importanti fil-finali meta għeleb lil Gilmoure Scicluna bl-iskor ta’ 10-5. Biex wasal sal-finali, Castaldi elimina lil Antoine Schembri fis-semifinali, filwaqt li Scicluna qala’ barra lil Gary Carr.
Fil-Coop Services Under 23 tournament, Casdy Vella kien il-protagonist wara li rebaħ il-finali kontra Steven Muscat bl-iskor ta’ 10-7. Fil-fażi tas-semifinali, Vella għeleb lil Nordai Desira, waqt li Muscat kiseb postu fil-finali wara rebħa fuq Mikhail Mansueto.
Intant, fil-Coop Services Under 18 Tournament, Dielyn Edwards ħareġ rebbieħ wara finali missielta kontra Nick Muscat li ntemmet bl-iskor ta’ 8-6. Edwards kien għeleb lil Shazen Ciantar fis-semifinali, filwaqt li Muscat għadda għall-finali wara rebħa fuq Ayken Gambin.
B’dawn ir-riżultati, Clayton Castaldi, Casdy Vella u Dielyn Edwards issa se jingħaqdu mal-gruppi nazzjonali Maltin fil-kategoriji tagħhom, hekk kif ikomplu l-preparamenti għall-impenji internazzjonali futuri.




