Aktar opportunitajiet biex iż-żgħażagħ jagħmlu l-aħjar għażliet għall-futur tagħhom

‘I Choose’ tlaqqa’ flimkien l-edukazzjoni u d-dinja tax-xogħol biex tgħin liż-żgħażagħ ifasslu l-futur tagħhom

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport organizza l-fiera “I Choose – Nagħżel il-Karriera Tiegħi”, li tgħin lill-istudenti jagħmlu għażliet infurmati dwar il-karriera u l-istudji tagħhom wara li jtemmu l-edukazzjoni obbligatorja. Il-fiera hija mmirata prinċipalment għall-istudenti tal-ħdax-il sena tas-sekondarja u l-ġenituri jew kustodji tagħhom, filwaqt li hija miftuħa wkoll għal studenti oħra u għall-pubbliku inġenerali li jixtieq jesplora opportunitajiet edukattivi u professjonali.

L-inizjattiva tkompli ssaħħaħ il-ħidma tal-Ministeru sabiex l-istudenti jkunu jistgħu jippjanaw il-passi li jmiss fil-vjaġġ edukattiv u professjonali tagħhom b’aktar għarfien. Permezz ta’ kuntatt dirett ma’ istituzzjonijiet edukattivi, professjonisti u rappreżentanti ta’ diversi setturi, l-istudenti jkollhom l-opportunità jesploraw il-ħafna possibbiltajiet li għandhom quddiemhom.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport, Byron Camilleri, flimkien ma’ mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, żaru l-fiera fejn iltaqgħu ma’ studenti, ġenituri, rappreżentanti ta’ istituzzjonijiet edukattivi, entitajiet pubbliċi, organizzazzjonijiet u professjonisti minn diversi setturi.

Il-Ministru Byron Camilleri qal li l-għażliet li jagħmlu ż-żgħażagħ illum jistgħu jsawru l-futur tagħhom u għalhekk huwa essenzjali li jkollhom aċċess għall-informazzjoni, il-gwida u s-sapport meħtieġa biex jieħdu deċiżjonijiet infurmati.

“Permezz ta’ ‘I Choose’ qed inlaqqgħu flimkien l-edukazzjoni, it-taħriġ u d-dinja tax-xogħol biex nagħtu liż-żgħażagħ l-għodod meħtieġa sabiex jagħmlu għażliet infurmati dwar il-futur tagħhom. Dan huwa investiment fil-potenzjal taż-żgħażagħ tagħna u fil-ħiliet li se jkollhom bżonn biex jirnexxu fid-dinja tax-xogħol,” qal il-Ministru Camilleri.

Min-naħa tagħha, mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela qalet li “f’dan l-istadju tant importanti ta’ ħajjithom, iż-żgħażagħ tagħna m’għandniex biss nisimgħuhom, iżda wkoll nagħtuhom l-għodod meħtieġa biex jagħmlu għażliet li jirriflettu t-talenti u l-ħiliet tagħhom”. Hija żiedet tgħid li din il-fiera qed tkompli tixhed il-ħafna opportunitajiet ta’ studju u xogħol ta’ kwalità li ż-żgħażagħ tagħna għandhom f’pajjiżna.

Permezz tal-parteċipazzjoni ta’ 48 esebitur, il-fiera toffri lill-istudenti u lill-familji l-opportunità jiltaqgħu direttament ma’ istituzzjonijiet post-sekondarji u terzjarji, entitajiet pubbliċi, rappreżentanti tal-industrija u organizzazzjonijiet minn diversi oqsma. Il-programm inkluda wkoll taħditiet minn professjonisti, sessjonijiet individwali ta’ gwida għall-karriera u informazzjoni dwar firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet edukattivi u professjonali.

L-inizjattiva tifforma parti mis-servizz ta’ gwida għall-karrieri li l-Ministeru għall-Edukazzjoni u l-Isport jipprovdi fl-iskejjel sabiex jgħin lill-istudenti jidentifikaw il-ħiliet, l-interessi u l-aspirazzjonijiet tagħhom u jagħmlu għażliet infurmati dwar l-istudji u l-karriera tagħhom. Permezz ta’ inizjattivi bħal ‘I Choose’, il-Ministeru jkompli jsaħħaħ il-ħidma tiegħu biex iż-żgħażagħ jingħataw l-għodod meħtieġa sabiex jibnu futur ibbażat fuq l-għarfien, il-ħiliet u l-opportunitajiet li joffri pajjiżna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport