Sunday, December 22, 2024

Teħel €700 f’disprezz tal-Qorti wara li qabdet tgħajjat fl-awla

Aqra wkoll

Mara kienet immultata €700 f’disprezz tal-Qorti wara li qabdet tgħajjat fl-awla fejn l-għarus tagħha kien qed jiġi mixli li biegħ il-kannabis.

ll-mara ma felħitx iżżomm il-frustrazzjoni tagħha meta qamet kwistjoni dwar l-indirizz attwali tas-sieħeb tagħha Anees Badroush ta’ 33 sena mil-Libja.

Huwa kien arrestat wara li allegatament inqabad jipprova jbigħ id-droga ħdejn il-funtana tat-Tritoni fil-Belt Valletta. Fil-pussess tiegħu nstabu 8.89 grammi kannabis.

Badroush tressaq l-Erbgħa fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi b’rabta ma’ traffikar u pussess tad-droga. Huwa kien mixli wkoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.

Fil-Qorti saret talba għall-ħelsien mill-arrest, liema talba sabet oġġezzjoni mill-Prosekuzzjoni fid-dawl tal-fatt li l-imputat kien allegatament kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja u kien riċediv.

Barra minn hekk, kien hemm dubji dwar l-indirizz attwali tiegħu. Fl-istqarrija tiegħu lill-pulizija huwa qal li kien jgħix mat-tfajla tiegħu f’Ħaż-Żabbar iżda meta ġie arrestat kien akkumpanja lill-pulizija f’appartament fil-Belt Valletta.

Il-Maġistrat Yana Micallef Stafrace osservat li peress li l-mara kienet ilha bilqiegħda fl-awla, ix-xhieda tagħha setgħet tiġi kompromessa. Kien f’dan il-mument meta l-mara qamet bilwieqfa u bdiet tgħajjat b’leħen għoli “għedtilkom fejn jgħix”.

Il-Maġistrat Micallef Stafrace mmultatha minnufih €300 f’disprezz tal-Qorti. Meta l-Qorti ħadet nota ta’ dak li ġara, u qalet li l-mara kienet għajtet fl-awla, il-mara reġgħet inerrompietha u qalet “Ma għajjatx, ta!”.

“€700 mela”, qalet il-Maġistrat filwaqt li rrimarkat li l-Qorti ma kinitx is-‘suq tal-belt’ u tali interruzzjonijiet jammontaw għal disprezz. Il-mara mbagħad tat isimha u l-karta tal-identità lid-deputat reġistratur tal-Qorti filwaqt li l-għarus tagħha baqa’ sieket fl-awla.

It-talba għall-ħelsien mill-arrest ġiet miċħuda mill-Qorti.

Ekonomija

Sport