Thursday, April 25, 2024

Telefonata kuljum għal tagħrif dwar l-abort

Servizz ġdid juri realtà ta’ bżonn ta’ sostenn għan-nisa tqal f’diffikultajiet…

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Mara ta’ 45 sena bi tlett itfal stuprata b’mod sistematiku minn missier it-tfal tagħha u reġgħet ħarġet tqila. Mara ta’ 30 sena li xtaqet titlaq lis-sieħeb tagħha imma skopriet li hija tqila u taf li jekk isir jaf is-sieħeb tagħha, dan iġiegħla tkompli bit-tqala. Tfajla ta’ 17-il sena mwerwra li l-ġenituri tagħha jiskopru li hija tqila u agħar minnhekk, jiskopru li se tagħmel abort. Dawn huma ftit mill-każijiet li għandna f’Malta ta’ nisa f’sitwazzjonijiet ta’ tqala li b’disprament ippruvaw jagħmlu abort waħidhom u dan bil-perikli kollha tiegħu.

Din hija r-realtà f’pajjiżna. Realtà li mingħajr ma nidħlu f’kontroversji ta’ suġġett bħalma huwa l-abort, tajjeb li nqajmu għarfien minħabba li dawn in-nisa għandhom bżonn ta’ sostenn u ta’ għajnuna. Wieħed ma jistax jaqbad u jiġġudika għax bħal f’sitwazzjonijiet oħra fil-ħajja, trid tkun fiż-żarbun ta’ dak li jkun u tgħixha biex verament tifhem sew għala jsiru ċerti deċiżjonijiet, diffiċli kemm huma diffiċli. Dan anke jekk id-deċiżjonijiet li xi drabi jittieħdu fil-ħajja bħalma huwa l-abort, ikunu kontra x-xewqa, il-moralità u saħansitra l-liġi.

Dan it-tip ta’ sostenn għal nisa li joħorġu tqal u jridu, għax għanhom bżonn, tagħrif dwar id-drittijiet tagħhom għal abort, qiegħed jingħata b’servizz ġdid offrut minn Doctors for Choice. Dan is-servizz ġdid żdied mas-servizz ieħor stabbilit tal-Abortion Doula Support Service, ipprovdut minn Profs. Isabel Stabile u Dott. Natalie Psaila. 

F’intervista ma’ dan is-sit Dott. Psaila qaltilna li minn mindu bdew joffru dan is-servizz volontarju għal kull mara tqila f’Malta, qiegħed ikollhom ta’ mill-inqas telefonata kuljum. Dawn huma telefonati minn nisa tqal li jkollhom kumplikazzjonijjiet waqt it-tqala u jridu jiddiskutu l-għażliet tal-abort kemm lokalment, kif ukoll barra minn xtutna.

Fost affarijiet oħra importanti li t-tabiba Psaila qaltilna, hemm ir-realtà ta’ kemm l-abort xorta waħda jsir minn persuni li jgħixu hawn Malta. Dan billi jmorru f’pajjiżi bħar-Renju Unit u l-Ġermanja proprju għax f’Malta dan is-servizz mhuwiex offrut. Qaltilna wkoll li wara l-pandemija tal-Covid-19 is-safar għall-abort lejn ir-Renju Unit naqas u dan wisq probabbli għax in-nisa tqal qegħdin jirrikorru aktar għall-pilloli tal-abort. 

Din hija l-intervista sħiħa ma’ Dott. Natalie Psaila, il-Ko-Fundatriċi ta’ Doctors for Choice u Speċjalista fil-Mediċina tal-Familja:

“Qegħdin nagħmlu d-dmir tagħna bħala tobba”

Min eżattament jikkwalifika għal dan is-servizz?

Aħna nistiednu lil kull persuna li għandha bżonn ta’ tagħrif dwar l-abort biex iċċemplilna. Dan jista’ jkun fi stadju ta’ qabel ma jseħħ l-abort, waqt, kif ukoll wara.

Kien hemm min diġà applika u ġie għal dan is-servizz? Jekk iva, kemm? Kifinhi l-proċedura u xi jsir eżatt?

Dan is-servizz jingħata fuq it-telefon. S’issa kellna tal-inqas telefonata waħda kuljum minn mindu ġie introdott is-servizz lejn l-aħħar ta’ April ta’ din is-sena.

Bħala organizzazzjoni favur l-għażla, tafu kemm sena b’sena nisa minnMalta marru barra l-pajjiż biex jagħmlu abort?

Diffiċli tkun taf in-numri eżatti għax hemm ħafna persuni residenti f’Malta li jmorru lura f’pajjiżhom biex jagħmlu l-abort. Apparti minnhekk, naf li n-nisa jmorru r-Renju Unit, il-Ġermanja, l-Olanda u oħrajn. Però, minn statistika li tippubblika l-NHS tar-Renju Unit, jidher li n-numri ta’ nisa li jmorru hemm naqas b’mod konsiderevoli wara l-pandemija tal-Covid-19. Aħna nassumu li dan seħħ għax l-abort bil-pilloli sar ħafna aktar aċċessibbli. Dan jista’ jsir fil-kumdità tad-dar.

Tafu b’każijiet fejn nisa ppruvaw jagħmlu abort waħidhom minħabba likienu ddisprati? Tgħidulna, mingħajr ma tikxfu l-identita, bi tlieta libaqgħulkom f’moħħkom?

Nafu b’ħafna. Nista’ naħseb fil-mara li kellha 45-sena bi tlett itfal u li kienet tiġi stuprata b’mod sistematiku minn missier it-tfal tagħha u reġgħet ħarġet tqila. Din tibqa’ mal-missier għax taħseb li hekk huwa l-aħjar għat-tfal.

Imbagħad hemm il-każ ta’ mara ta’ 30 sena li xtaqet titlaq lis-sieħeb tagħha imma tiskopri li hija tqila minnu. Din spiċċat f’sitwazzjoni diffiċli għax kienet taf li jekk is-sieħeb tagħha jsir jaf, dan iġiegħlha tkompli bit-tqala.

It-tielet wieħed huwa dak ta’ tfajla ta’ 17-il sena mwerwra li l-ġenituri tagħha se jiskopru li hija tqila u agħar minnhekk, li se jiskopru li se tagħmel abort. Allura, din it-tfajla tiddeċiedi li tgħaddi mill-proċess waħidha mingħajr sapport ta’ ħadd.

X’każijiet tikkwalifikaw bħala eliġibbli għall-abort permezz tal-emendafil-liġi tat-tqala?

L-emenda tgħid li l-abort huwa legali f’każijiet fejn hemm il-periklu tal-mara f’riskju imminenti u dan jista’ jiddeċidieh tabib wieħed. Inkella, tliet tobba jistgħu jiddeċiedu li hemm riskju ta’ saħħa gravi u l-abort għandu jsir. Dawn għandhom isiru fi sptar irreġistrat.

Nisa li jagħmlu abort bil-pilloli d-dar qegħdin jiksru l-liġi anke wara din l-emenda. Però aħna, bħala tobba, inħossuna fid-dmir li nipprovdu informazzjoni dwar l-abort anke f’dawn is-sitwazzjonijiet. Fejn nindunaw li hemm kumplikazzjonijiet li jirrikjedu kuntatt mediku, nagħtu parir biex il-mara tmur l-isptar għall-kura. Fortunatament, dan huwa rari ħafna għax l-abort bil-pilloli fi tqala sa 12-il ġimgħa jista’ jseħħ mingħajr periklu d-dar.

Taħsbu li qbil bejn tliet tobba differenti biex isir abort jintlaħaqfaċilment?

Lanqas xejn u sakemm ftehim jintlaħaq, il-mara se tkun qiegħda tistenna li ħajjitha tiġi salvata waqt li hemm ċans ukoll li saħħitha tkompli tiddeterjora għall-punt forsi anke traġiku.

Jekk mara tqila sinċerament tħossha li se tmut imma ma jkunx hemmkonsensus għal abort, x’tista’ tagħmel f’każ hekk?

M’hemmx wisq x’tista’ tagħmel… Ikollha tibqa’ f’dik is-sitwazzjoni. Però aħna, bħala Doctors for Choice, ħlifna li jekk mara titlef ħajjitha jew tispiċċa b’deterjorazzjoni ta’ saħħitha minħabba nuqqas ta’ konsensus, se nfittxu lill-gvern u lil dawk kollha li vvotaw favur din l-emenda fil-Qorti. 

Huwa inaċċettabbli li l-ħajja u s-saħħa tal-mara hija dipendenti fuq din il-liġi. Il-ħajja u l-ġisem tal-mara m’għandhomx ikunu propjetà tal-pajjiz. L-ebda proċedura medika oħra mhija ggvernata minn xi liġi. Kwalunkwe proċedura medika hija offruta skont x’inhuwa l-aħjar għall-pazjent skond gwidi internazzjonali u mhux skond xi liġi.

Ħafna li huma favur l-abort u anke korpi rikonoxxuti barranin, iħossu li kif inbidlet din il-liġi mhiex biżżejjed bħala d-dritt tal-għażla għall-mara.X’taħsbu dwar dan?

Din il-liġi hija travestija għal dawk kollha li jistgħu jkunu tqal. Din il-ligi ma tkoprix lil dawn in-nies. Anzi. inħossu li tpoġġilhom ħajjithom f’periklu. Ġiet iddisinjata biss biex taqdi lit-tobba għalkemm aħna nargumentaw li lanqas dan ma tagħmel għax jekk tittieħed deċiżjoni ħażina jew inkella deċiżjoni tard wisq, fil-verità din tpoggi lit-tobba tal-mara f’pożizzjoni legali kerha ħafna.

Għandkom ukoll servizz stabbilit ta’ sostenn minn doula għalabort. Tista’ tagħtina dettalji ta’ x’inhuwa s-servizz, kemm ilu fis-seħħ, lilmin jingħata, għala u kemm tgħinu nisa kull sena bih?

Dan is-servizz bdejnieh fl-aħħar ta’ April ta’ din is-sena. Huwa miftuħ għal dawk kollha li jixtiequ jkun jafu aktar dwar l-abort, inkluż informazzjoni dwar kumplikazzjonijiet waqt l-abort. Ħassejna l-bżonn li nibdew dan is-servizz għax xbajna nisimgħu b’nisa inkwetati li qegħdin jesperjenzaw xi kumplikazzjonijiet waqt l-abort imma jħossuhom imbeżża’ milli jkellmu lit-tobba tagħhom jew li jmorru l-isptar għax jibżgħu li jiġu rrapportati. 

Konna qegħdin ninkwetaw li xi darba se tiġri xi diżgrazzja għax mara ma tkellmitx dwar kumplikazzjonijiet fil-ħin. Ridna li nkunu ta’ sostenn u ta’ għajnuna għal dawk li għaddejjin minn abort skont l-etiċi li wegħdna li se nħaddnu meta lħaqna tobba. Inħossuna obbligati li noffru t-tagħrif mediku tagħna lil kull min għandu bżonn.

Hemm xi pjanijiet min-naħa tagħkom li tixtiequ tħabbru jew xikumment/messaġġ li tridu tagħtu lin-nies jew lill-Gvern?

Aħna naħsbu li qegħdin noffru servizz li għandu jiġi offrut b’xejn mill-gvern. Qegħdin nagħmlu id-dmir tagħna bħala tobba biex nimlew bżonn serju f’dan il-qasam. Nixtiequ wkoll ngħidu li dan il-helpline huwa miftuħ ukoll għal dawk in-nisa li għaddejjin minn problemi medici serji waqt tqala waqt li jkunu qegħdin rikoverati fl-isptar.

Sport