Saturday, December 14, 2024

Telgħu vaganza… inġibed filmat ta’ ħabibthom għarwiena u spiċċa xxerred fuq il-mezzi soċjali

Aqra wkoll

“Il-persuna li qegħda tidher fuq l-istess filmat, sejra tbati u tibqa’ ttimbrata għal snin twal, possibilment matul ħajjitha kollha.” ‘Sofriet umiljazzjoni kbira”. Dań iddikjaratu l-Qorti f’sentenza kontra żewġ nisa li btala ma ħabibthom wasslet biex ixxerred filmat ta’ din il-mara għarwiena. Il-filmat inġibed mingħajr il-kunsens tagħha minn sħabha stess u dan spiċċa xxerred fuq il-mezzi soċjali.

L-Ispettur Christine Delia xehdet li f”it-23 ta’ Frar 2020 ġiet infurmata mill-Pulizija li kien daħal rapport li kienu rċevew video permezz ta’ Facebook Messenger fejn fl-istess video kienet tidher ommhom b’mod indiċenti. Dan il-filmat kien intbagħat lilhom mill-kuġin tagħhom. Il-Pulizija kienu tkellmu mal-vittma fejn hija nfurmathom li kienet siefret jumejn ma’ xi ħbieb tagħha ġewwa Sqallija u waqt li kienu fl-appartament huma bdew jiċċajtaw bejniethom u hi neżgħet il-ħwejjeġ ta’ taħt u wriethom il-parti privata tagħha.”

Il-Pulizija bagħtu għaż-żewġ nisa li siefru magħha u waħda ammettiet li kienet hi li rrekordjat il-vidjo li fih tidher seħbitha b’mod indiċenti u ammettiet li dan l-istess filmat kienet bagħtitu lil persuna oħra. Waqt l-istqarrija, il-persuna l-oħra ammettiet li kienet irċeviet il-filmat u hija kienet bagħtitu lis-sieħeb tagħha u lil oħtha. Il-persuni li rċevew l-filmat kienu ammettew li kienu irċevew il-filmat, iżda sostnew li huma ma kienu bagħtuh lil ħadd. Infatti huma kienu ħassru l-filmat minn fuq il-mowbajl tagħhom.

Il-vittma xehdet li huma kienu siefru flimkien fi Sqallija u kienu krew appartament. Qalet li meta marret tinħasel sabet li fil-kamra tal-banju ma kienx hemm banketta biex tpoġġi bilqiegħda biex tkun tista’ tilbes u għalhekk wara li nħaslet kienet kostretta toħroġ għarwiena. Malli ħarġet mill-kamra tal-banju sabet lil seħbitha u ħaditilha ritratt tal-parti intima tagħha mingħajr lanqas biss kienet taf. Xehdet li kif appena ġiet lura mis-safar, it-tifla urietha l-filmat li hija kienet tidher b’mod indiċenti u marru jirrapurtaw lil pulizija dan il-każ għax b’dak il-filmat, l-imputati avvelewha ma’ kulħadd.

It-tifla tagħha sostniet li meta rat il-filmat hija għarfet lill-ommha u kien se jagħtiha ħass ħażin.

Il-Qorti fis-sentenza tagħha iddikjarat li ħasbet fit-tul dwar il-piena li għandha tiġi inflitta.

Enfasizzat li “hawnhekk għandna każ ta tlett iħbieb li marru għal btala ġewwa Sqallija, fejn filwaqt li kienu qegħdin jieħdu pjaċir, f’mument minnhom f’atmosfera ta’ briju, ċajt u żżufjettar inġibed filmat li kienet tidher fih b’mod indiċenti l-vittma. Dan il-filmat spiċċa biex inxtered bħal leħħa ta’ berqa fuq il-mezzi soċjali u dan ċertament mingħajr il-kunsens tagħha. Dan wassal biex sofriet minn umiljazzjoni kbira. Min naħa l-oħra jirriżulta li dawk li ġibdu r-ritratt qatt ma għaddielhom minn rashom li dan il-vidjo kien se jispiċċa jinxtered fuq il-mezzi soċjali.

Naturalment dan ma jiġġustifikax l-azzjoni tagħhom għaliex wara kollox kien minħabba l-aġir u l-azzjoni tagħhom li l-filmat spiċċa mifrux fuq il-mezzi soċjali. L-imputati jridu jifhmu li fil-ħajja hemm limitu dwar wieħed x’jista jagħmel, u li qabel ma jagħmlu xi ħaġa huma għandhom jaħsbu fil-konsegwenzi tagħha.”

Il-Qorti qalet li “l-fatt li waqt l-akkadut huma kienu qed jiċċajtaw, jiddieħku u jieħdu pjeċir flimkien ma jnaqqas xejn mil-gravità ta’ dak li ġara u miċ-ċirkostanzi li ġabu lill-vittma fihom. Ċertament wieħed jirrikonoxxi li ma huwiex sew li wieħed jiġbed filmat li tidher fih b’mod indiċenti persuna u agħar minn hekk dan l-istess filmat intbagħat lil terzi mingħajr il-kunsens ta’ dik il-persuna li tidher fil-filmat, b’konsegwenza li dan il-filmat spiċċa jinxtered fuq il-mezzi soċjali. Il-persuna li qegħda tidher fuq l-istess filmat, sejra tbati u tibqa’ ttimbrata għal snin twal, possibilment matul ħajjitha kollha.

Iż-żewġ nisa li siefru mal-vittmu weħlu €3,500 kull wieħed.

Ekonomija

Sport