Wednesday, March 27, 2024

Terz tal-popolazzjoni f’Malta mħassba dwar is-saħħa mentali tagħhom stess

Aqra wkoll

L-impatt tal-pandemija tal-Covid-19 fuq is-saħħa mentali tan-nies hija l-akbar sfida li qed jaffaċċjaw diversi nies ta’ kull età.

Permezz tar-riċerka nazzjonali tagħha, il-Fondazzjoni Richmond irrapportat li f’Lulju 2021, 33.7% tal-popolazzjoni f’Malta kienet imħassba dwar is-saħħa mentali tagħhom stess, filwaqt li 40.5% kienu mħassba dwar is-saħħa mentali ta’ xi ħadd qrib tagħhom.

Id-domanda għal servizzi psikoloġiċi żdiedet b’mod sinifikanti hekk kif aktar nies qed iħossu l-bżonn li jirrikorru għall-appoġġ professjonali. 

Il-Fondazzjoni Richmond, l-NGO ewlenija tas-saħħa mentali f’Malta, irċeviet total ta’ 3800 telefonata fuq il-linja tal-għajnuna tagħha ‘1770’ matul l-aħħar 18-il xahar, u rreġistrat żieda ta’ aktar minn 500%. Minn dawn it-telefonatii, ftit inqas minn kwart kellhom bżonn l-għajnuna. Dan ifisser żieda ta’ erba’ darbiet aktar matul l-aħħar sitt xhur. Id-domandi għal servizzi terapewtiċi żdiedu wkoll b’70% fl-ewwel sitt xhur tal-2021.

Il-Fondazzjoni Richmond qalet li d-domanda akbar għal appoġġ psikoloġiku u servizzi professjonali huwa inkoraġġanti, fis-sens li tfisser li n-nies huma aktar konxji tal-ħtiġijiet tas-saħħa mentali tagħhom, u huma lesti aktar li jirrikorru għall-għajnuna.

Min-naħa l-oħra, il-Fondazzjoni Richmond qalet li ż-żieda fid-domanda tenfasizza lakuna fis-servizzi lokali tas-saħħa mentali b’mod ġenerali, u tixħet dawl fuq in-nuqqas ta’ riżorsi umani disponibbli fis-settur. Il-Fondazzjoni qalet li n-nies li jeħtieġu għajnuna professjonali qed jiffaċċjaw ħinijiet itwal ta’ stennija.

Il-Fondazzjoni Richmond elenkat numru ta’ suġġeriment li jistgħu jkunu ta’ għajnuna għan-nies fosthom li jitkellmu ma’ professjonist, li huwa disponibbli 24/7, billi jċempel fuq il-helpline 1770. Apparti minn hekk, il-Fondazzjoni Richmond qalet li wieħed jista’ jitkellem b’mod kunfidenzjali mal-professjonisti tagħhom permezz ta’ OLLI Chat.

Jekk int jew xi ħadd li taf li qiegħed f’riskju li jagħmel ħsara lilu nnifshu, ċempel immedjatament fuq 112.

Ekonomija

Sport