Il-Pulizija fl-Awstralja jinsabu għaddejjin bit-tfittxija għal tifla ta’ ħames snin wara li ġiet irraportata nieqsa mill-ġenituri tagħha. L-investigaturi qalu li jidher li din it-tifla ġiet maħtufa minn raġel li għadu kemm ħareġ mill-ħabs.
Fil-fatt, il-Pulizija jinsabu għaddejjin bit-tfittxija għal dan ir-raġel bit-tama li miegħu tinstab it-tifla.
Sharon – it-tifla – l-aħħar li dehret kienet nhar is-Sibt li għadda meta l-ġenituri tagħha poġġewha fis-sodda tagħha ftit qabel nofs il-lejl.
Il-Kap tal-Pulizija Mark Grieve waqt li kien qiegħed jitkellem mal-midja qal li bħalissa għaddejja tfittxija għal Jefferson Lewis li għandu 47 sena. Hu appella lil kull min għandu informazzjoni dwar dan ir-raġel biex jitkellem b’mod immedjat mal-Pulizija biex b’hekk ikun jista’ jiġi arrestat.
“L-għajbien ta’ din it-tifla hija xi ħaġa teribbli u l-Pulizija qegħdin jiġġieldu kontra l-ħin biex tinstab. Għaddew aktar minn 24 siegħa minn x’ħin ġiet irraportat nieqsa. Nista’ nimmaġina dak li għaddejjin minnu l-ġenituri,” qal Grieve.
Is-suspettat f’dan il-ħtif għandu rekord ta’ vjolenza domestika u kemm-il darba ġie akkużat fil-Qorti dwar akkużi relatati. Hu kien ġie kkundannat il-ħabs u fil-fatt dakinhar tal-għejbien tat-tifla hu kien għadu kemm ingħata l-ħelsien mill-ħabs wara li għamel is-sentenza tiegħu.


