Friday, November 22, 2024

Tħassib minn residenti f’Ħ’Attard….art li għadha fi stat naturali proposta għal skola privata

Aqra wkoll

Għadd ta’ residenti f’Ħ’Attard jinsabu imħassbin bil-kbir u dan minħabba li żona imdaqqsa li għadha fl-istat naturali tagħha qed tkun proposta biex tiġi żviluppata fi skola privata. 

Iż-żona tinsab fi Triq ir-Rużell kantuniera ma’ Triq Xatbet l-Art. Din l-iskola privata li qed tkun proposta se tkun fuq ħames sulari u hu ppjanata li takkomoda bejn 600 u 800 student.  Dan hu l-uniku spazju miftuħ li fadal fl-akkwati.

Din il-proposta ta’ żvilupp qiegħda toħloq tħassib kbir fost ir-residenti tal-inħawi. Huma qegħdin jistaqsu  minn fejn se jkun id-dħul u l-ħruġ ta’ din l-iskola ġdida   Qegħdin isostnu li jekk se jkun fit-triq Ħal Warda, f’din l-istess triq diġa’ tinsab parti mill-iskola Primarja tal-Kulleġġ San Nikola.

Filfatt biex it-tfal jidħlu u joħorġu minn din l-iskola, bħala prekawzjoni, tingħalaq it-triq għat-traffiku, nofs siegħa għad-dħul u kważi siegħa għall-ħruġ. “Mela mmaġina, li flok skola waħda f’din it-triq ’il quddiem jista’ jkun hemm tnejn bl-istess inkonvenjent, għax it-triq se jkollha tingħalaq erba’ darbiet jekk il-ħinijiet tad-dħul u ħruġ ikunu differenti”, qalilna wieħed mir-residenti.

Ir-residenti qegħdin isostnu li ma jarawx li d-dħul u l-ħruġ ikun fi Triq Xatbet l-Art, għax din it-triq barra li hi ‘one way’ hija dejqa u ma tiflaħx aktar traffiku.  

Ir-residenti qegħdin jistaqsu ukoll x’inhi l-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ dan ir-raħal dwar dan l-iżvilupp kbir fil-qalba tar-raħal.

Ir-residenti mistennija jipprotestaw kontra din il-proposta ta’ żvilupp.

Sport