Saturday, December 21, 2024

TIĊPISA BIL-GRIŻ

Aqra wkoll

Fl-aħħar waslet l-aħbar li tneħħiet it-tiċpisa bil-griż li għabbewna biha xi sena ilu għax bħala ċentru finanzjarju internazzjonali ma konniex qed nuru, intqal, is-serjetà mistennija fit-trażżin ta’ abbużi finanzjarji. 

Issa, wara l-bidliet fit-tmexxija taċ-ċentru li wettqu l-awtoritajiet jidher li erġajna ksibna l-fiduċja ta’ min qiesna batuti. Bla dubju, sar xogħol kbir f’dal-qasam. 

Xorta waħda rridu noqogħdu b’seba’ għajnejn. Jien minn dejjem kont xettiku dwar it-tkabbir tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna. U wara tas-servizzi tal-imħatri permezz tal-internet. Rajthom ibbażati fuq ħidma li tgħin lil min diġà sejjer tajjeb ħafna biex imur aħjar. Dwar l-imħatri fuq l-internet anke stennejt li se jitkellmu kontra tal-Knisja. Xejn minn dan.

Il-qalba lejn servizzi finanzjarji fl-ekonomija nedewha u mbuttawha bil-kbir gvernijiet Nazzjonalisti. Amministrazzjonijiet Laburisti għamlu l-istess, x’aktarx b’suċċess akbar.

Minkejja li erġana spiċċajna bla dbabar griżi fuqna, għadni b’dubju kemm il-qalba lejn servizzi finanzjarji kienet waħda għaqlija.

QUO VADIS PN?

Diffiċli tgħid fejn sejjer tassew il-Partit Nazzjonalista. Ma jidher li kien hemm l-ebda pressjoni mill-mexxej attwali biex dan jew dik ma joħorġux għall-kariga ta’ deputat mexxej. Forsi m’inix informat tajjeb biżżejjed.

  Hu xinhu, kien hemm kandidatura waħda – ħadd aktar ma “tħajjar” – jekk dik hi kelma tajba. Meta ma jkunx hemm interess f’li membri tiegħu jservu fl-ogħla karigi, speċjalment meta ma jkunx hemm diġà kandidat stabbilit li kulħadd jirrikonoxxi bħala l-aktar wieħed idoneu, bilfors li jeżistu f’partit politiku fatturi li qed inawruh mill-qiegħ.

Fl-imgħoddi ma kontx niddejjaq li xi ħaġa hekk tiġri lill-PN. Illum li ninsab maqtugħ mill-battibekki lokali u għadni nemmen fil-mudell ta’ alternanza demokratika parlamentari, ma nifraħx jekk pajjiżna jispiċċa stat b’partit politiku effettiv wieħed.

L-I“SPIN”

Hemm erwieħ tajba – forsi wkoll qaddisa (għalkemm dwar hekk ma nistax niġġudika) – li jridu jbellgħuhielna li l-qagħda fix-xandir publiku llum hi ta’ barraminnhawn. U jipprovaw ifehmuna kif fi żmienhom, kienet ħafna aħjar.

Dil-logħba tkompli tipperpetwa l-problemi ta’ das-settur li minn dejjem – għal min kien qed jifhem xinhu jiġri – kellu problemi ta’ kredibilità… għalkemm baqa’ l-aktar wieħed popolari bħala xandir fost il-poplu. Minn deċennju għal deċennju, minn gvern għall-ieħor, ix-xandir publiku serva bħala t-tromba tal-gvern. Min jippretendi mod ieħor, irid iqarraq.

Ħaġa tajba din? Dażgur li le. Min-naħa l-oħra, bir-rispett kollu: ħafna minn dawk li jridu jgħidulna x’riformi messhom isiru, jinsabu frustrati l-aktar għax m’għadhomx b’subgħajhom fil-kejk tax-xandir publiku. Kull ma jridu hu li jerġgħu jkunu bih hemm u minnufih jinsew il-fatwi qaddisa li jressqu quddiemna llum.  

Ekonomija

Sport