Friday, April 26, 2024

TIELA’ TIELA’

Alfred Sant
Alfred Sant
Membru Parlamentari Ewropew

Aqra wkoll

L-aħħar ċifri li ħarġu dil-ġimgħa mill-Uffiċċju tal-Istatistika dwar l-għoli tal-prezzijiet ikkonfermaw r-rankatura li dan għaddej biha. F’temp ta’ seba’ xhur, l-għoli rdoppja tkejlu kif tkejlu. U l-aktar parti fl-indiċi tal-prezzijiet li hi fost l-aktar sensittiva waqt li għandha l-akbar effett fuq l-indiċi — dik li tkejjel l-għoli fil-prezz tal-ikel, hi fost is-setturi fejn l-aktar qed jitħarrku l-prezzijiet. 

Ftit hi konsolazzjoni li bħalma ta’ spiss jiġri, il-prezzijiet qed jogħlew fostna b’dewmien fuq dak li qed jinħass fil-pajjiżi Ewropej, in parti għax fuq ilma, elettriku, gass u fjuwil, ma kien hemm l-ebda żieda peress li l-gvern waqqaf iż-żieda fil-prezzijiet. Kif wissa tajjeb il-Ministru tal-Finanzi, dil-ħaġa mhux se jkun jista’ jibqa’ jsostniha għat-tul.

Veru li l-barma tal-prezzijiet ġejja minn barra l-pajjiż u ftit jista’ jsir biex titreġġa’ lura.  Biss irid jingħata sinjal qawwi li ż-żieda fl-effiċjenza u fil-produttività tal-ekonomija tagħna jeħtieġ issir priorità. Inkella nsibu malajr li l-inflazzjoni fostna mhux talli laħqet dik Ewropea, talli ssuperatha.

***

DEWMIEN

Hi xi ħaġa li ilha tintqal u minn hawn ktibt diversi drabi dwarha… imma ftit jidher li sar progress. Id-dewmien fil-proċeduri tal-qrati għadu magħna u donnu ma jista’ jsir xejn kontrih. Nisimgħu li għandna ras imb’ras, imqabbel mal-bqija tal-Ewropa, l-iċken numru ta’ ġudikanti biex iservu fil-qrati. Sporadikament joħorġu ntietef ta’ informazzjoni li jgħidu kif il-personnel fil-qrati li jinsab hemm biex jassisti lill-ġudikanti  hu ftit wisq, mhux imħallas tajjeb u lanqas għandu biżżejjed tagħmir elettroniku.

Donnu li m’aħniex nifhmu kif l-organizzazzjoni ġudizjarja tmur lil hinn mill-proċeduri legali u taffettwa bil-kbir it-tmexxija ekonomiku u l-progress soċjali fil-pajjiż kollu kemm hu. It-titjib f’dal-qasam hu meħtieġ fl-interess tal-ġustizzja u fl-interess nazzjonali.

***

L-ART AGRIKOLA

Għandna biżżejjed art li tista’ tintuża biex tforni lill-popolazzjoni bl-ikel kollu meħtieġ għall-għajxien? Dażgur li le. L-art agrikola li tista’ tintuża għall-biedja qiegħda tintuża għal hekk? Le, lanqas. L-art agrikola użata għall-biedja qed tintuża bl-aktar mod effiċjenti? Anqas u anqas le. 

Nitbissem meta nisma’ persuni li kienu ħabirku bil-qawwi ħalli Malta tidħol membru tal-Unjoni Ewropea jilmentaw li l-biedja mhijiex tlaħħaq mal-bżonnijiet tal-ikel tagħna. Donnhom ma ndunawx li matul is-snin, il-biedja baqgħet għaddejja minn proċess li bih majnat bla waqfien. L-art agrikola naqset bl-izviluppi ta’ bini kullimkien u fejn baqgħet, xeddet mill-kultivazzjoni li qabel kienet issir fiha. 

Għad m’hemmx aċċettazzjoni fostna li l-għażla tas-sħubija fl-Unjoni Ewropea kienet tfisser li l-poplu Malti ddeċieda biex sostanzjalment, jixtri l-bżonnijiet kważi kollha tiegħu ta’ ikel minn barra.

Sport