Tifel kellu jiddaħħal l-Isptar wara li lbieraħ, għall-ħabta tat-8:00 p.m., weġġa’ wara li waqa’ fi blokka t’appartamenti fil-Ponta ta’ Tigne, Tas-Sliema.
Minn stħarriġ illi sar irriżulta li tifel ta’ sentejn kien waqa’ madwar erba’ sulari minn tieqa li tagħti għall-komun tal-blokka.
Tim mediku ta l-assistenza liċ-ċkejken sakemm ambulanza ħadet lit-tifel l-Isptar Mater Dei għall-kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie ċċertifkat li weġġa’ serjament.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Gabriella Vella kienet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.