Wednesday, April 24, 2024

Tiġrijiet taż-żwiemel: Tazza tar-Reġjun Kunsilli Lokali tan-Nofsinhar

Aqra wkoll

It-tiġrijiet taż-żwiemel ilhom jiffurmaw parti mill-kultura Maltija sa mill-eqdem żmien fejn biex jiġu ċċelebrati festi u avvenimenti kienu bosta l-irħula Maltin li jorganizzaw tiġrijiet fit-toroq prinċipali tagħhom. Maż-żmien dawn it-tip ta’ tiġrijiet bdew jinqatgħu peress li t-toroq Maltin saru arteriji prinċipali għat-trasport. Kien għalhekk li s-sena l-oħra ħsibna sabiex noħolqu xi ħaġa li terġa tqajjem l-interess fil-lokalitajiet diversi fejn nuruhom li t-tiġrijiet jistgħu jitgawdew minn kulħadd f’post sikur f’ħarġa għall-familja kollha. Minn hawn nibtet l-idea li ssir tiġrija fejn kull żiemel ikun abbinat ma’ Kunsill Lokali sabiex ir-residenti ta’ dan il-Kunsill ikollhom l-interess li jappoġġjaw it-tali żiemel biex finalment jirbħu x-shield għall-lokal tagħhom.

Din l-idea mill-ewwel intlaqet mill-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali l-Onorevoli Owen Bonnici fejn grazzi għall-għajnuna stajna noffru premju sabiħ b’total tal €3200 lis-sidien li ż-żwiemel tagħhom se jkunu qed jikkompetu f’din it-tiġrija.

Peress li l-korsa tinsab il-Marsa u kumbinazzjoni r-reġjun tan-Nofsinhar jikkonsisti minn tnax-il lokalità l-għażla kienet waħda awtomatika li jintgħażel dan ir-reġjun u nixtiequ nirringrazzjaw lis-Sur Jesmond Aquilina President ta’ dan ir-reġjun kif ukoll lil dawk li jaħdmu fl-uffiċju tal-koperazzjoni kbira li sibna mingħandhom hekk kif ressaqnilhom il-proposta. Kienet ukoll attività f’waqta hekk kif wieħed jikkunsidra li din is-sena ir-Reġjun Kunsill tan-Nofsinhar huwa wkoll ir-Reġjun Kulturali.

Sabiex jintgħażlu t-tnax-il żiemel, is-Sibt u l-Ħadd 18 u 19 ta’ Frar saru erba’ tiġrijiet tal-għola klassi li minnhom l-ewwel tlieta għaddew awtomatikament għal din it-tiġrija li se ssir nhar il-Ħadd 5 ta’ Marzu.

Waqt konferenza stampa li saret aktar kmieni fl-uffiċini tal-Malta Racing Club is-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Kunsilli Lokali l-Onor Alison Zerafa Civelli tellgħat il-polza tan-numri li ż-żwiemel ser jitilqu bihom wara l-karozza tat-tluq filwaqt li kull Kunsill Lokali ġie abbinat maż-żiemel li se jkun qed jappoġġja. Preżenti waqt din il-Konferenza Stampa apparti r-rappreżentanti tal-Kunsilli Lokali kien hemm ukoll il-viċi Chairman tal-Malta Racing Club is-Sur Edwin Borg u s-sidien taż-żwiemel parteċipanti.

Barra l-premjijiet fi flus, is-sid taż-żiemel rebbieħ se jingħata trofew u għata kommemorattiva filwaqt li s-Sindku tal-lokalità abbinata maż-żiemel rebbieħ se jirċievi x-shield artistika li nħadmet apposta fejn fuqha jitniżżel isem il-lokalità u tinżamm għal sena bil-ħsieb li dan l-avveniment isir wieħed annwali u jidħol fil-kalendarju regolari tat-tiġrijiet taż-żwiemel. Kull lokalità se tkun qed tippreżenta tifkira lis-sid taż-żiemel li miegħu tkun abbinata.

Ir-residenti ta’ kull lokalità huma mħeġġa sabiex jingħaqdu flimkien mal-Kunsill Lokali tagħhom sabiex il-Ħadd 5 ta’ Marzu jiġu jappoġġjaw iż-żiemel “tagħhom” fil-Malta Equidrome.

Iż-żwiemel ser jiġru b’dawn in-numri u huma abbinati ma’ dawn il-Kunsilli Lokali.

1. VIKING’S TOPLINE – MARSA

2. CRISTAL PIERJI – STA. VENERA

3. DAMOUR JIEL – ĦAMRUN

4. CONCERTO ROYAL – ĦAL QORMI

5. INFINITE KNIGHT – STA. LUCIA

6. CHARMING SOLDIER – ĦAL LUQA

7. GAMBIT BRODDE – WIED IL-GĦAJN

8. CARNAVAL DU VIVIER – MARSAXLOKK

9. FIREJACK DE VIETTE – ĦAL GĦAXAQ

10. BLACKARO – BIRŻEBBUĠA

11.HUNTER MONTANA – GUDJA

12. ELLINGTON DREAM – ŻEJTUN

Sport