Il-Ministru għall-Ugwaljanza u d-Drittijiet Ċivili Rosianne Cutajar laqgħet b’sodisfazzjon id-deċiżjoni li ċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li diġà jgħixu f’Malta u li qed jistennew tarbija se jkomplu jibbenefikaw minn childcare bla ħlas.
Hija qalet li fil-jiem li għaddew, il-Ministeru mmexxi minnha kien għaddej b’ħidma ma’ Ministeri oħra fi ħdan il-Gvern bil-għan li jaslu għal din id-deċiżjoni li sejħitilha bħala waħda ġusta.
“Ninsab kuntenta ħafna li, frott it-taħditiet li kellna fi ħdan il-Gvern, irrenja s-sens komun.
“Id-deċiżjoni li wasalna għaliha bħala Gvern ġabet magħha serħan il-moħħ lil numru ta’ persuni li, fi żmien delikat bħal dak tat-tqala, ikollhom bżonn appoġġ, sostenn u assistenza.”
Il-Ministru Cutajar żiedet tgħid li kienu ħafna l-persuni li għamlu kuntatt magħha sabiex jesprimu l-apprezzament tagħhom għal dan il-pass tajjeb li ħa l-Gvern.
“Din id-deċiżjoni, flimkien ma’ oħrajn li fl-aħħar jiem iċċaraw ċirkostanzi oħra fejn ċerti benefiċċji li kienu japplikaw qabel il-Baġit se jibqgħu fis-seħħ, huma turija li l-ħidma tagħna hija mnebbħa mill-fatt li nirrikonoxxu l-kontribut li dawn iċ-ċittadini qed jagħtu lil pajjiżna.
“Ninsab komda ħafna li s-sens ta’ umanità qed ikun imħares permezz tad-deċiżjonijiet li ħadna fl-aħħar jiem.”
Il-Ministru Cutajar żiedet tgħid li bħalma qal il-Prim Ministru nhar it-Tlieta fil-Parlament, “għalina dawn il-ħaddiema huma bnedmin bħal kull wieħed u waħda minna, li jixirqilhom kull dinjità.”
“Pajjiżna ilu żmien twil jagħti ħafna lil dawn il-ħaddiema u hekk huwa impenjat li jibqa’ jagħmel, b’mod bilanċjat u meqjus, iktar u iktar f’ċirkostanzi fejn, l-ewwel u qabel kollox, għandu jirrenja r-rispett lejn il-bniedem.
“Il-ħidma tiegħi u tal-Ministeru mmexxi minni se tibqa’ dejjem konsistenti u maħsuba biex, f’kull mument, inkunu ta’ spalla u nassiguraw protezzjoni u rispett sħiħ lejn id-drittijiet tal-minoranzi u ta’ dawk l-aktar vulnerabbli f’pajjiżna,” temmet tgħid il-Ministru.
