Monday, April 27, 2026

‘Tim ma jirbaħx biss bil-kwalità, imma bil-mentalità u l-ispirtu ta’ sagrifiċċju … u dan kien wieħed mis-sigrieti tas-suċċess tagħna’ – Hubert Vella Genovese

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Il-futbol Malti kompla jikteb paġna ġdida fl-istorja tiegħu hekk kif Birżebbuġa St. Peter’s FC kisbu promozzjoni storika għall-Malta Premier League għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb.

Dan is-suċċess wasal wara konfront drammatiku kontra Swieqi United FC fis-Centenary Stadium, fejn kollox kellu jiġi deċiż bil-penalties wara li l-logħba spiċċat 1-1 anke wara l-ħin barrani.

Fost il-protagonisti ewlenin ta’ din il-kisba kien hemm il-captain Hubert Vella Genovese, plejer bi kwalitajiet ta’ tmexxija mill-aqwa li kellu rwol kruċjali kemm fil-grawnd kif ukoll fid-dressing room. F’intervista esklussiva li ta lil dan is-sit elettroniku, Vella Genovese ma setax jaħbi l-emozzjonijiet tiegħu wara dan il-mument storiku.

“Hi emozzjoni li lanqas tista’ tiddeskriviha,” beda jgħid. “Din hija promozzjoni storika għall-klabb ta’ Birżebbuġa St Peter’s Football Club. L-ewwel darba fl-istorja tal-klabb fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti. Hija xi ħaġa li se nibqa’ ngħożżha għal dejjem.”

Il-logħba nnifisha kienet waħda mimlija tensjoni mill-bidu sal-aħħar. Swieqi marru fil-vantaġġ kmieni meta Zak Barbara skorja minn penalty, iżda Birżebbuġa rrispondew b’mod pożittiv u ġabu d-draw permezz ta’ Daniel Zerafa wara corner ta’ De Souza Silva.

Minkejja diversi opportunitajiet miż-żewġ naħat, l-iskor baqa’ ma nbidilx, u kollox kellu jiġi deċiż proprju mix-xuttijiet mill-11-il metru.

“Kienet logħba bilanċjata ħafna,” spjega l-captain tat-tim min-naħa t’isfel ta’ Malta.

“Kontra tim tajjeb bħal Swieqi United, konna nafu li se tkun diffiċli. Fl-aħħar mill-aħħar, il-penalties huma dejjem lotterija, imma kellna l-kalma u l-fiduċja biex nagħmluha.”

Fil-fatt, Birżebbuġa kellhom kuraġġ tal-azzar u rebħu wara l-għoti tal-penalties 7-6, bil-goalkeeper Julian Azzopardi jkun determinanti b’save importanti. Għal Vella Genovese, dan kien riflessjoni ċara tal-mentalità tat-tim.

“Mill-ewwel ġranet tal-istaġun fiehmna x’inhu l-għan u t-tragward tal-klabb,” qal. “Il-klabb u l-president investew ħafna, u aħna bħala plejers ridna nħallsu lura dik il-fiduċja fil-grawnd.”

Il-vjaġġ lejn il-promozzjoni ma kienx wieħed faċli. Kien hemm mumenti ta’ diffikultà, iżda t-tim baqa’ magħqud u determinat. “Kellna tlajja u nżul bħal kull tim ieħor, imma dejjem bqajna nemmnu. Fl-aħħar, nemmen li kull min kien involut fil-klabb kiseb dak li kien jistħoqqlu.”

Għal Vella Genovese, din il-promozzjoni għandha wkoll valur personali kbir. Bħala captain, inħoss responsabbiltà speċjali lejn il-klabb u l-komunità. “Tfisser ħafna għalija bħala captain. Li tkun parti minn dan il-mument storiku hija xi ħaġa unika.”

Imwieled fis-7 ta’ Frar 1994, Vella Genovese bena karriera prominenti fil-futbol Malti. Beda l-vjaġġ tiegħu fl-akkademja ta’ Żabbar St. Patrick, qabel kompla jiżviluppa ma’ Pietà Hotspurs. Tul is-snin, lagħab ma’ diversi klabbs fosthom Senglea Athletic, Żebbuġ Rangers, Gudja United u Tarxien Rainbows, fejn kellu rwol importanti wkoll fil-promozzjoni tagħhom għall-ogħla diviżjoni.

Din l-esperjenza għenitu jsir plejer matur u mexxej naturali. Bħala midfielder difensiv, huwa magħruf għad-dixxiplina tattika tiegħu u għall-abbiltà li jorganizza lit-tim minn nofs il-grawnd. Iżda aktar minn hekk, huwa figura li tgħaqqad il-grupp.

“Nemmen ħafna fl-għaqda,” sostna. “Tim ma jirbaħx biss bil-kwalità, imma bil-mentalità u l-ispirtu ta’ sagrifiċċju. U dan kien wieħed mis-sigrieti tas-suċċess tagħna.”

Aspett ieħor li ma setax jonqos milli jsemmi kien l-appoġġ tal-familji u tal-partitarji. “Irrid nirringrazzja lill-familji tagħna. Huma dejjem magħna, anke meta l-affarijiet ikunu diffiċli.

Mingħajrhom, ħafna minn dan ma jkunx possibbli.”

Il-partitarji ta’ Birżebbuġa wkoll kellhom rwol importanti, billi taw spinta lit-tim tul l-istaġun kollu. Il-konnessjoni bejn il-plejers u l-partitarji kienet evidenti, speċjalment f’mumenti deċiżivi bħal dan.

Din il-promozzjoni mhijiex biss suċċess sportiv, iżda wkoll kisba għall-komunità kollha ta’ Birżebbuġa. Klabb li ilu snin jaħdem u jaspira għal dan il-livell, issa finalment laħaq il-quċċata.

Minkejja dan kollu, Vella Genovese jibqa’ b’saqajh mal-art. “Irridu nibqgħu umli u nkomplu naħdmu. Dan huwa biss il-bidu ta’ kapitlu ġdid. Il-Kampjonat Premier huwa livell differenti u rridu nkunu lesti għal dik l-isfida.”

Fl-aħħar mill-aħħar, il-messaġġ tiegħu huwa wieħed ċar: dan is-suċċess ġie permezz ta’ ħidma kollettiva, determinazzjoni u fidi fil-proġett. U għal Birżebbuġa St. Peter’s, din il-promozzjoni se tibqa’ mument li jibqa’ jgħix għal dejjem fil-memorja tal-klabb u tal-partitarji tiegħu.

Din il-kisba storika wkoll qed tpoġġi lil Birżebbuġa St. Peter’s fuq mappa ġdida fil-futbol Malti, hekk kif issa se jkunu qed jaffaċċjaw sfida ferm akbar fil-Premier League kontra wħud mill-aktar klabbs stabbiliti fil-pajjiż. Il-preparazzjoni għall-istaġun li ġej diġà bdiet tiġi diskussa bejn id-diriġenti, b’enfasi fuq tisħiħ tal-iskwadra u żamma tal-ispirtu li wassalhom għal dan is-suċċess.

Il-coaching staff ukoll kellu sehem fundamentali f’dan ir-riżultat, billi ħoloq struttura organizzata u dixxiplinata li tat lill-plejers fiduċja anke f’mumenti diffiċli. Diversi kritiċi tal-futbol Malti faħħru l-mod kif it-tim żamm il-kalma tiegħu taħt pressjoni, speċjalment fil-logħba finali li ġiet deċiża bil-penalties.

Min-naħa tiegħu, il-president tal-klabb ukoll esprima kburija kbira b’dak li ntlaħaq, u sostna li dan huwa biss il-bidu ta’ proġett aktar ambizzjuż li għandu l-għan li jsaħħaħ il-preżenza ta’ Birżebbuġa fil-futbol Malti tal-ogħla livell. Il-komunità lokali qed tħares ukoll lejn dan is-suċċess bħala sors ta’ motivazzjoni u għaqda.

B’dan kollu, Birżebbuġa St. Peter’s mhux biss għamlu storja, iżda fetħu kapitlu ġdid mimli sfidi, opportunitajiet u tama għal futur aktar ambizzjuż fil-Premier League Malti.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport